Lokali

Illum jimmarka 90 sena minn mindu Don Bosco sar qaddis u nfetaħ l-ewwel oratorju

Il-jum tal-1 t’April 2024 huwa l-jum li jfakkar id-90 sena minn meta nfetaħ l-ewwel Oratorju ‘Don Bosco’ f’Għawdex. Huwa l-istess jum li fih il-fundatur tas-Sależjani Don Bosco, kien proklamat uffiċjalment qaddis fl-1934.

Il-fundatur tal-Oratorju ‘Don Bosco’ t’Għawdex kien is-saċerdot rabti Dun Pawl Micallef, li madankollu ma kienx preżenti għall-ftuħ uffiċjali tal-ewwel oratorju, peress li kien għażel li dakinhar imur f’pellegrinaġġ fil-belt ta’ Ruma fejn xtaq jieħu sehem fiċ-ċerimonja tal-Kanonizzazzjoni tal-qaddis patrun tat-tfal u taż-żgħażagħ. Imma minfloku f’Għawdex kien ħalla saċerdot Malti, ċertu Dun Ġużepp Spiteri min-Naxxar, li kien qed jgħin lil Dun Pawl jirrealizza l-ħolma tiegħu b’risq it-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin.

L-ewwel Oratorju f’Għawdex kien infetaħ f’dar pjuttost żgħira, fi Triq Karita’, fil-qalba tal-Belt Victoria, biswit is-sagrestija tal-parroċċa ta’ San Ġorġ. Imma dak kien bidu modest għal opra kbira b’risq it-tfal u ż-żgħażagħ Għawdxin, opra li llum għadha għaddejja ġmielha f’binja ħafna akbar fi Pjazza Santu Wistin, dejjem fil-Belt Victoria.

Biex jitfakkru dawn l-anniversarji tad-90 sena, qed ikunu organizzati diversi attivitajiet fil-Belt Victoria. Bħalissa, fil-Foyer tal-Oratorju Don Bosco ta’ Pjazza Santu Wistin, hemm wirja fotografika ta’ ritratti antiki li jfakkru l-ewwel snin tal-Oratorju. Uħud minn dawn ir-ritratti qed jidhru għall-ewwel darba wara li nstabu f’kollezzjoni privata ftit ilu. Din il-wirja tibqa’ miftuħa sal-15 t’April.

Fil-ġurnata proprja tal-anniversarji, jiġifieri llum stess, se ssir Velja ta’ Talb fil-Kappella tas-Sorijiet Sależjani fi Triq ir-Repubblika, Victoria, fil-5:30pm. Din il-Velja tintemm bi Żjara fuq il-qabar tal-fundatur tal-Oratorju Dun Pawl Micallef fil-Knisja Katidrali.

Imbagħad, il-Ħadd 7 t’April se tkun organizzata quddiesa solenni ta’ radd il-ħajr fil-kappella tal-Oratorju Don Bosco, fl-10:30am. Din se titmexxa minn Mons. Carmelo Mercieca li f’żgħożitu ħadem qatigħ fl-Oratorju u li bħalissa qed ifakkar ukoll is-60 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Wara se ssir ikla ċelebrattiva tal-okkażjoni.

Nhar il-Ħamis 11 t’April, l-Oratorju Don Bosco se jilqa’ l-Festival ta’ mużika klassika “Gaulitana”, li fil-Kappella tal-istess Oratorju se jippreżenta Lunchtime Concert fuq l-istrument Ċiniż magħruf bħala l-“Pipa” mill-mużiċisti Ċiniżi Mei Guo. Dan il-kunċert bl-isem ta’ “Eastern Hues”, jibda fil-11:30am, u fost biċċiet mużikali oħra, se nkunu qed nisimgħu siltiet mir-rock-opera “Ġwanninu” li kienet titratta l-ħajja ta’ San Ġwann Bosco.

Il-programm ta’ dawn l-anniversarji se jagħlqu bir-rappreżentazzjoni tal-kummiedja klassika Maltija “It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla” ta’ Charles Clews. Din se ssir nhar is-Sibt 13 t’April fis-7:30pm u se tittella’ mill-Għaqda Drammatika tal-Oratorju fit-teatru tal-istess Oratorju.