L-Iżvizzeru Yves Koller u l-Awstrijaka Katharina Schroll rebħu s-sitt edizzjoni tal-Malta Junior Open organizzat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Golf, fir-Royal Malta Golf Club.
Koller u Schroll kienu l-iktar konsistenti tul it-tlett ijiem ta’ logħob li kienu kkaraterizzati minn kundizzjonijiet diffiċli ta’ temp b’xita u riħ qawwi.
Għal dan it-turnament ħadu sehem 99 plejers minn 22 pajjiż differenti, b’sitta minnhom li kienu golfers Maltin. Din il-kompetizzjoni kien fiha tliet kategoriji dik ta’ taħt is-16-il sena, taħt it-18-il sena u taħt il-21 sena.
Fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena tal-irġiel, Noah Gratil wettaq rimmonta kbira fejn fl-aħħar ġurnata ġab il-punti neċessarji biex jaqbeż fl-ewwel post, segwit minn Constatin Bauer u Alexander Vagimov.
Sadanittant, Elena Duduleanu rebħet il-kategorija tan-nisa, segwita minn Emma Viscovich u Alicja Herbik. Fl-istess waqt, il-plejer b’dixxendenza Maltija Eliana Buhagiar temmet fir-raba’ post.
Fil-kompetizzjoni ta’ taħt it-18-il sena tal-irġiel, Yves Koller mill-Iżvizzera kien aħjar mid-Daniż Alexander Viscovich li spiċċa fit-tieni post, b’Albertic Le Bos-Niclot li temm fit-tielet post.
Mill-istess kategorija ta’ età iżda din id-darba tan-nisa, suċċess għal Katharina Schroll li baqgħet konsistenti tul it-tlett ijiem ta’ logħob u spiċċat qabel il-kompatrijotta Johanna Janisch u l-Ġermaniża Mila Tang.
Fil-kategorija ta’ taħt il-21 sena tal-irġiel, kien Timotej Formanek li ġie l-ewwel quddiem Maxime Lam u Matyas Vysusil.
Fil-kompetizzjoni tan-nisa, Laura Mizlerova għaddiet lil Nela Travnickova li spiċċat fit-tieni post fiwlaqt li Zsofia Foldhazi Nagy li temmet fit-tielet post.
L-unur intrebaħ minn golfer Malti hekk kif Mark Ganado kiseb l-aqwa skor nett tul it-tlett ijiem. Finalment, fil-kompetizzjoni Stableford, Malti ieħor Alex Ganado ħareġ rebbieħ quddiem Alex Mece u Antonio Bianco.
Il-preżentazzjoni tat-trofej saru mill-President tal-Malta Golf Association, WIlliam Beck, mis-segretarja ġenerali Doreen Balzan, u l-kaptan il-ġdid tar-Royal Malta Golf Club, Jay Jay Micallef.
//= $special ?>