Lokali Qorti

Kumpanija mhux responsabbli ta’ inċident li fih weġġa’ sew ħaddiem

Il-kumpanija Devlands Limited ma nstabitx responsabbli għall-inċident li fih weġġa’ ħaddiem wara li waqgħet rużata ġebel kważi f’inċident li seħħ kważi 11-il sena ilu. F’każ li seħħ f’Lulju, 2013, fil-Mosta, l-imġjegat, ċertu Gaetano Sciberras, rabat il-ġebel u għamel sinjal lil min imexxi l-krejn biex jgħolli l-ġebel

Ftit wara l-knatan waqgħu għal isfel u spiċċa jintlaqat bihom. Sciberras kien weġġa’ sew u saħansitra għamel xi żmien l-ITU u sofra minn diżabbiltà permanenti. L-Imħallef Joanne Vella Cuschieri semgħet lill- foreman jixhed fejn qal li xogħol Sciberras kien li jorbot u jerfa’ l-ġebel u jagħmel it-tajn.

Mistoqsi kif Sciberras weġġa’, hu qal li rabat xi ġebel u l-krejn refa’ l-ġebel u f’daqqa waħda nfaqa’ l-ġebel u spara. Tenna li semgħu ħoss u ra lil Sciberras mal-art. L-operatur tal-krejn xehed li Sciberras rabat il-ġebel u xħin għamillu sinjal biex itella’, u hu hekk għamel u waqa’ l-ġebel.

Qal li xogħol Sciberras kien li jorbot il-katina, jagħmel is-sinjal u jgħidlu fejn jieħu l-ġebel. Sostna li kienu qed jaħdmu fl-istess sular u għalhekk il-ġebel għollih madwar sular. Qal li ra l-ġebel nieżel u jtir. Spjega li ra lil Sciberras fl-art iżda ma kienx mirdum bil-ġebel. Qal lill-Qorti li l-ġebel kien marbut u l-ganċ baqa’ marbut.

Sciberras xehed li huwa rabathom tajjeb għax kieku kienu ħżiena kienu jaqgħu ferm qabel. Qal li sofra seba’ kustilji miksura, messlu l-pulmun, qalagħlu jdejh u kiser spalltu. Jgħid li ma reġax ħadem minn wara l-inċident. Tenna li l-kumpanija kienet solament responsabbli biex tixtri l-materjal.

Meta mistoqsi jekk kantun jindikax għandux ħsara, Sciberras wieġeb fin-negattiv għax ikun imwaħħal ma’ xulxin u ma jurikx. Spjega li kellu brama muta, jiġifieri qasma fin-nofs u ma jkunx jurik. Tenna li l-operatur tal-krejn ħadem ħażin għax qabad u daħħal il-karru tal-krejn ’il ġewwa.

Xhud imporanti ieħor kien direttur tal-kumpanija u qal li l-ġebel seta’ jinġarr b’metodu wieħed mix-xellug għal-lemin. Sostna li hi ovvja li wieħed meta jara l-materjal tiela’ ma jibqax fiċ-ċirku tal-moviment tal-krejn.

Direttur tal-kumpanija tal-Health and Safety xehed li l-vittma rabat il-knaten u aktarx ma ndunax li kien hemm wieħed difetuż. Tenna li jidher li l-vittma baqa’ taħt ix-xogħol u b’hekk waqgħu fuqu. Qal il-mod ta’ kif kien armat il-krejn seta’ jiġbed lejn il-wied biss għax inkella jaħbat mad-djar. Qal li lanqas seta’ jdur 360 degrees għax jaħbat mal-appoġġi.

Il-Qorti, qieset li għalkemm min iħaddem għandu r-responsabbiltà, il-ħaddiem hu obbligat li jħares saħħtu u s-sigurtà tiegħu u ta’ sħabu fuq ix-xogħol. Qalet li ħaddiem għandu jżomm lura milli jqiegħed lilu nnifsu f’riskju bla bżonn u joqgħod attent għal dak li jkun qed jagħmel.

Qalet li Sciberras għandu 30 sena esperjenza fil-mistier u kien konxju bil-possibbiltà li kantun jista’ jkun difettuż u li kellu jżomm ‘il bogħod minn taħt ir-rużata. L-Imħallef qalet li huwa għamel xogħlu sew meta rabat il-knatan għax kieku waqgħu qabel.

Sostniet li kien hemm difett moħbi f’ġebla minnhom. Qalet li minkejja li warrab ċertu distanza, tant li l-operatur tal-krejn ma ra lil ħadd taħt, ma kienx warrab biżżejjed u ntlaqat minn xi ġebel. Spjegat iżda li mill-provi mressqa l-kumpanija ma setgħet b’ebda mod tipprevedi l-inċident għax id-difett kien moħbi u jekk le kienet responsabbiltà ta’ Sciberras li jinduna bih. Għaldaqstant ma sabitx lill-kumpanija ħatja ta’ negliġenza u ċaħdet it-talbiet ta’ Sciberras.