L-akbar partit Tork fl-Oppożizzjoni kiseb rebħiet kbar fl-elezzjonijiet lokali tal-Ħadd li saru fl-ibliet ewlenin ta’ Istanbul u Ankara. Riżultat li jfisser daqqa ta’ ħarta sinifikanti għall-President Tork Recep Tayyip Erdogan li kien qed jittama li jieħu lura l-kontroll ta’ dawn l-ibliet, anqas minn sena mindu hu rebaħ it-tielet mandat konsekuttiv ta’ Presidenza.
Erdogan kien attiv ħafna fil-kampanja elettorali li kienet saret f’Istanbul, il-belt twelidu u fejn hu sar prominenti għall-ewwel darba bħala Sindku. Madankollu, l-isforzi tiegħu ma kenux biżżejjed, b’Ekrem Imamoglu, tal-Partit sekulari CHP fl-Oppożizzjoni, jirrepeti s-suċċess elettorali tal-2019 b’mod konvinċenti.
Erdogan kien wiegħed era ġdida għal Istanbul, fejn qed jgħixu mas-16-il miljun ruħ, iżda Imamoglu, bħala s-Sindku fil-kariga, kiseb aktar minn 50 fil-mija tal-appoġġ lokali biex għeleb lill-kandidat tal-Partit Iżlamiku (AK) tal-President b’vantaġġ ta’ kważi miljun vot.
Din hi anki l-ewwel darba li l-Partit Iżlamiku spiċċa megħlub fl-elezzjonijiet madwar it-Turkija mindu Erdogan ħa t-tmexxija tal-pajjiż, madwar 21 sena ilu.
Fil-fatt, il-Partit Iżlamiku u Erdogan kellhom anki jaċċettaw telfa kbira f’Ankara, fejn is-Sindku tal-Oppożizzjoni, Mansur Yavas, seta’ jiddikjara rebħa wara li laħqu għaddew ftit anqas min-nofs tal-voti mitfugħin fil-kapitali.
Hu wkoll sinifikanti li s-CHP – il-Partit Repubblikan tal-Poplu – anki rebaħ fl-ibliet ta’ Bursa u Balikesir, fil-Majjistral tat-Turkija, minbarra li żamm il-kontroll f’Iżmir, Adana u Antalja.
//= $special ?>

