Internazzjonali

L-elezzjonijiet lokali fit-Turkija: Disfatta kbira għal Erdogan

L-Oppożizzjoni fit-Turkija ħarġet rebbieħa bi kbir f’diversi lokalitajiet fosthom f’Istanbul u anka f’Ankara, hekk kif miljun ivvutaw biex jiddeċiedu liema partit għandu jmexxi l-ibliet prinċipali.

Dawn ir-riżultati kienu ta’ daqqa ta’ ħarta għall-President Tork Tayyip Erdogan, li kien qed jittama li jerġa’ jieħu l-kontroll ta’ dawn l-ibliet inqas minn sena wara li reġa’ ħa kontroll bħala President.

Erdogan mexxa l-kampanja f’Istanbul hu stess hekk kif din hija l-lokalità fejn għix u laħaq Sindku. Madanakollu, dan ma seħħx hekk mill-ġdid is-Sindku Ekrem Imamoglu reġa’ rebaħ din il-belt għat-tieni darba.

Intant, din ir-rebħa f’Istanbul, belt ta’ iktar min 16-il miljun resident, kienet sinifikanti wkoll għax hija l-ewwel rebħa f’21 sena li Erdogan ilu fit-tmexxija, li l-Oppożizzjoni kisbet maġġoranza f’kull kaxxa tal-voti.

Fil-belt kapitali, Ankara, is-Sindku Mansur Yavas ukoll kiseb maġġoranza assoluta ta’ iktar minn 59% tant li r-riżultat ġie ddikjarat qabel ma ngħaddu nofs il-voti.