Internazzjonali

L-Ukrajna: Ir-Russi jkomplu bl-attakki sistematiċi fuq il-grid tal-elettriku nazzjonali …azzjoni mfissra bħala reat tal-gwerra

Il-qawwiet tar-Russja qed jintensifikaw il-kampanja biex jeqirdu l-grid nazzjonali għall-produzzjoni tal-enerġija u l-faċilitajiet ewlenin li jipprovdu d-dawl għall-poplu Ukren – bl-osservaturi barranin ifissru din it-tattika ta’ gwerra bħala ‘forma ta’ terroriżmu’ u reat li lanqas mhu aċċettabbli fi żmenijiet ta’ gwerra.

L-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tal-Kremlin issa daħlet sew fit-tielet sena u meta r-Russi qed jimmiraw il-missili u d-drones lejn is-sistemi tal-enerġija li qed tissupplixxi lill-ibliet prinċipali, fosthom Kharkiv, it-tieni l-akbar belt Ukrena.

Waqt li s-sitwazzjoni  f’Kharkiv saret diffiċli ħafna, il-qawwiet Russi qegħdin ikomplu jattakkaw bliet oħrajn madwar l-Ukrajna u fejn ukoll qed jikkonċentraw b’mod partikulari fuq l-istallazzjonijiet li jissupplixxu l-enerġija.

L-awtoritajiet f’Kharkiv, issa, qalu li se jeħtieġu l-ġimgħat biex jirrestawraw il-provvista totali tad-dawl għar-residenti tal-belt u meta m’hemm l-ebda garanzija li l-qawwiet Russi mhumiex se jkomplu jattakkaw lill-istess faċilitajiet fil-jiem li ġejjin,

L-aħħar rapporti qalu li l-missili u d-drones tar-Russi anki laqtu l-faċilitajiet fl-inħawi ta’ Odesa, maġenb il-Baħar l-Iswed u fejn ikkaġunaw il-blackouts parzjali.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, min-naħa tiegħu qed jikkundanna l-azzjonijiet tal-Kremlin li fissirhom bħala ‘terrur mill-ajru’. Hu, fl-istess ħin, kompla jġedded is-sejħiet lill-Alleati tal-Ukrajna biex jipprovdu lil pajjiżu b’aktar sistemi ta’ difiża bħala protezzjoni kontra ‘l-azzjonijiet li qegħdin jiksru r-regoli tal-gwerra’.