Rapport li ġie ppublikat fl-aħħar sigħat mill-KPMG juri kif il-miżuri tal-Gvern Laburista biex jitnaqqsu l-piżijiet tal-inflazzjoni li l-poplu Malti u Għawdxi ilhom jesperjenzaw għal xhur u snin sħaħ, kienu biss daħqa fil-wiċċ hekk kif ftit li xejn inbidel.
L-istess rapport juri kif is-sitwazzjoni se tkun qed tmur agħar milli hi meta dawn il-miżuri se jkunu qed jispiċċaw.
L-Editorjal tat-Times of Malta wera tħassib kbir dwar din is-sitwazzjoni li qed taffettwa lill-familji kollha, inkluż żgħażagħ u anzjani.
Dan meta Indiċi tal-Unjoni Ewropea, Harmonised Index of Consumer Prices, wera li fl-2023 l-inflazzjoni f’pajjiżna telgħet għal 5.7%. Dan filwaqt li l-pagi żdiedu biss b’1.5%.
Il-pjaga tal-għoli tal-ħajja ilha tippersisti sew, bil-poplu Malti u Għawdxi li wasal f’punt li qed jagħżel bejn l-iktar affarijiet bażiċi ta’ kuljum. Uħud saħansitra qed isibuha diffiċli biex ikollhom platt ikel sħun kuljum u anke ma jafux hux se jibqa’ jkollhom saqaf fuq rashom quddiem il-fatt li l-paga mhix qed isservihom sal-aħħar tax-xahar.
Dan apparti li l-futur ma jidhirx wisq sabiħ, bil-Bank Ċentrali qed ibassar li t-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna se jkun qed jonqos fit-tliet snin li ġejjin.
Din is-sitwazzjoni qed iġġib livelli ogħla ta’ stress, anzjetà u inċertezza dwar il-futur tal-Maltin u l-Għawdxin quddiem iż-żieda mgħaġġla tal-għoli tal-ħajja li qed tħalli impatt negattiv. Iżda l-Gvern Laburista qed jibqa’ jdawwar wiċċu għal dawn it-talbiet sabiex il-poplu jiġi megħjun minnufih.
//= $special ?>