Wara l-aħbar li Transport Malta “tilfet” mad-59% tal-multi li ngħataw fuq il-baħar fl-2021, il-Partit Nazzjonalista qed jappella biex kemm Robert Abela u anke l-Kummissarju Angelo Gafà jieħdu azzjoni minnufih dwar dawn l-iskandli kollha fi ħdan Transport Malta.
Fl-aħħar jiem ġie żvelat li tal-anqas tliet uffiċjali għolja fi Transport Malta fi ħdan il-Maritime Enforcement Unit kienu qed jimmanipulaw ċitazzjonijiet mogħtija fuq il-baħar, b’sorsi qalu li saret pressjoni kbira fuqhom sabiex iħassru dawn iċ-ċitazzjonijiet mis-sistema.
Is-sistema ta’ kif jiddaħħlu ċ-ċitazzjonijiet għadha mhix waħda diġitali, biċ-ċitazzjoni tibqa’ għand l-uffiċjal li ħariġha u allura dan ifisser li faċilment jistgħu jsiru l-abbużi.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers, Ivan Castillo, Mark Anthony Sammut, u Darren Carabott, intqal kif dan it-tip ta’ skandli ilna narawhom iseħħu għal xhur u snin sħaħ. Bid-deputat Ivan Castillo jinsisti li minkejja evidenza ma taqta’ xejn li ġiet ippreżentata, il-Pulizija qed tibqa’ tirrifjuta li tinvestiga.
Mark Anthony Sammut spjega kif għal dawn l-aħħar disa’ xhur rajna skandlu wara l-ieħor b’rabta ma’ Transport Malta. Għalhekk, qed tonqos il-fiduċja f’din l-entità.
Min-naħa tiegħu, Darren Carabott qal li dan qed juri biss kif il-Kummissarju tal-Pulizija qed jonqos milli jagħmel xogħlu – bil-PN jgħid li rridu nerġgħu naraw lill-istituzzjonijiet jimxu b’mod trasparenti u flus tal-poplu jintużaw bl-aqwa mod.
//= $special ?>