Lokali

Burokrazija żejda tagħmel tajjeb għall-inkompetenza u s-suppervja tal-Gvern Laburista – PN

Ritratt: Joseph Galea

L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, bdew fuq sieq ħażina.

Dan hekk kif l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, wara li skont l-Inkjesta “s-settur kien ilu s-snin sprovvist minn regolamentazzjoni ċara, b’leġiżlazzjoni konfliġġenti u b’awtoritajiet li jitfixklu f’saqajn xulxin bil-konsegwenza li min kien jagħmel li jrid baqa’ jagħmel li jrid”, minflok marret għall-għerq tal-problemi, kienet superfiċjali u marret għal aktar formoli u burokrazija.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emfasizza li din ir-regolamentazzjoni għandha tkun ippjanata tajjeb, tkun ħolistika, tgħolli l-istandards, ittejjeb il-governanza, iżżid is-serħan tal-moħħ ta’ dawk kollha involuti f’din l-industrija, inklużi terzi, u tnaqqas il-burokrazija żejda biex jonqsu l-ispejjeż.

Minkejja l-paroli ta’ Robert Abela dwar li “Inwettqu Flimkien”, il-Gvern iħoss li m’għandux għalfejn jikkonsulta, lanqas fil-bord tal-awtoritajiet, qabel ma xi awtorità tintroduċi aktar formoli u spejjeż mal-ħafna li diġà jeżistu.

Fir-rigward tal-assigurazzjoni, il-Partit Nazzjonalista kien ċar sa mill-ewwel ġurnata u, wara djalogu u konsultazzjoni wiesgħa, ippropona polza ta’ assigurazzjoni obbligatorja waħda li tkun tkopri x-xogħlijiet kollha tal-kuntrattur, flimkien ma’ assigurazzjoni għall-ħaddiema, qabel ma’ dawn ikunu liċenzjati.

Il-Gvern ġab kull skuża biex ma jwettaqx dan, anke jekk il-korpi kostitwiti u r-rappreżentanti tas-settur qablu mal-proposta tal-Partit Nazzjonalista. Wara iżjed tnikkir, u ftit ġimgħat wara d-diskussjoni fil-Parlament, il-Gvern, biex mingħalih għaddiet tiegħu, ħareġ Avviż Legali biex jimplimenta parzjalment dak li ppropona l-Partit Nazzjonalista.

Ukoll, minkejja li l-condition report dwar il-proprjetajiet tal-ġirien possibbilment affetwati hu obbligatorju, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni qed tobbliga iżjed dokumentazzjoni għall-istess għan.

Din il-burokrazija żejda, jiġifieri li minflok mal-kuntrattur ikollu polza waħda ta’ assigurazjoni li tkopri x-xogħlijiet kollha, se jkollu jagħmel u jirreġistra polza u ssir il-verifikazzjoni tagħha għal kull biċċa xogħol u d-dikjarazzjoni ripetuta tal-proprjetajiet terzi li jistgħu jkunu affetwati, flimkien ma’ nuqqasijiet kbar ta’ definizzjonijiet ċari, bħal fil-każ ta’ xogħlijiet minuri, se jtawlu l-proċess u se jżidu l-ispejjeż mingħajr mhu se jżidu l-ebda valur.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern għandu jinża’ s-suppervja li għandu, jikkonsulta u jisma’ bis-serjetà lis-settur tal-kostruzzjoni, filwaqt li joħroġ bi pjan serju, maqbul, ċar u trasparenti. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem għal riformi konsistenti u gradwali bħala parti minn pjan ħolistiku.

Bl-implimentazzjoni effettiva, bla lappazzar, bla skossi u bla burokrazzija żejda għandha tkun immodernizzata l-industrija tal-kostruzzjoni, titnissel il-fiduċja tal-pajjiż fl-istess industrija, jitnaqqsu l-ispejjeż u jkollna serħan tal-moħħ, ambjent u kwalità ta’ ħajja aħjar.