Raġel li qatta’ 274 jum żejda l-ħabs u li qed jistenna appell dwar il-kundanna tiegħu talli ta bis-sikkina lill-eks sieħba tiegħu Yana Mintoff Bland u binha, rebaħ €10,000 f’kumpens wara li l-Qorti sabet li d-drittijiet tal-bniedem tiegħu kienu nkisru.
Il-Qorti sabet li Gheorghe Popa kien qatta’ aktar ħin il-ħabs minħabba dewmien fil-qorti meta l-appell tiegħu kien spiċċa mwaħħal fil-Qorti għal aktar minn ħames snin. Ir-Rumen ta’ 45 sena kien kundannat sitt snin ħabs talli fera lil Mintoff Bland u lil binha f’Ottubru tal-2016.
Mintoff Bland, hi bint il-mibki Prim Ministru Dom Mintoff. Il-Qorti semgħet kif kienu argumentaw Mintoff Bland u Popa meta rreżista t-tentattivi tagħha li tkisser ir-relazzjoni tagħhom. Wara li attakka lilha u lil binha, Popa kien weġġa’ wkoll lilu nnifsu.
Kundannat sentenza ta’ ħabs għal sitt snin, l-ewwel qorti kienet iddeċidiet li Popa kien ta’ periklu mhux biss għal Mintoff Bland u binha, iżda għas-soċjetà inġenerali. “Din it-tip ta’ vjolenza mhux se tkun ittollerata,” kien qal il-maġistrat fis-sentenza tiegħu.
“Fis-soċjetà tagħna qed nassistu għal relazzjonijiet ta’ spiss mibnija fuq ir-ramel jew permezz ta’ netwerking soċjali u meta dan jisfaxxa jista’ jkun hemm individwi li jirrifjutaw li jaċċettaw li relazzjonijiet bħal dawn ikollhom data ta’ skadenza,” kien kompla jgħid il-ġudikant .
Popa appella s-sentenza fl-2018 iżda l-każ kien għadu pendenti quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti sal-2023, bil-Prim Imħallef jassenjah mill-ġdid lil imħallef ieħor, li kien Neville Camilleri, li malajr sema’ l-appell u ddeċieda li jikkonferma l-kundanna u sitt snin ħabs.
Waqt li ppresediet il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri semgħet lil Popa jilmenta dwar id-dewmien esaġerat biex l-appell tiegħu jinstema’ u jiġi deċiż, li kien jammonta għal ksur tad-dritt uman tiegħu li jiġi pproċessat fi żmien raġonevoli.
Ilmenta wkoll li peress li d-depożitu tal-pleġġ kien marbut ma’ €5,000, ammont li ma jiflaħx, kellu jqatta’ aktar ħin taħt “arrest illegali”. Il-Qorti semgħet kif Popa qatta’ sal-2021 fil-ħabs għax qatt ma nħeles mill-arrest.
L-Imħallef innotat kif il-każ ta’ Popa mhuwiex wieħed kumpless, u staqsiet kif il-Qorti tal-Appell semgħet l-appell fi ftit seduti iżda xorta ma tatx sentenza sakemm il-każ ġie assenjat mill-ġdid lil imħallef ieħor. L-imħallef osservat li sa meta ġie deċiż l-appell, Popa kien diġà serva s-sentenza ta’ ħabs.
Il-Qorti laqgħet l-argument ta’ Popa li l-arrest tiegħu kien illegali. Minflok serva l-1,440 jum li kellu jservi l-ħabs, spiċċa dam 1,714 jum. L-Imħallef Vella Cuschieri osservat li minn analiżi tal-provi, Popa spiċċa qatta’ madwar 274 jum żejjed il-ħabs minħabba d-dewmien.
“L-unika raġuni għaliex xorta nżamm il-ħabs, apparti l-impossibbiltà li jħallas id-depożitu, kienet minħabba d-dewmien mhux ġustifikat tal-parti tal-Qorti biex tagħti d-deċiżjoni fl-istadju tal-appell. Il-qorti tqis li tali detenzjoni lil hinn mis-sentenza kienet fil-fatt waħda arbitrarja u mhux ġustifikata peress li kienet effettivament bi ksur tad-dritt fundamentali,” sostniet l-imħallef.
“Il-qorti tqis ukoll li dan il-ksur kien serju ħafna għax ħadd ma jista’ jagħti lura lil Popa, l-274 jum ta’ libertà mitlufa minn ħajtu,” u għalhekk tat danni morali minħabba is-sofferenza li għadda minnha l-akkużat fil-proċess tiegħu.