Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

“Fejn hemm paċi, Abela qed joħloq kunflitt”

Bernard Grech kellu raġun meta fil-Parlament waqqa’ kompletament l-argumenti li ġab il-Prim Ministru dwar il-u-turn li għamel fuq id-difiża Ewropea – meta Abela, f’Malta tkellem mod u fi Brussell ivvota l-oppost.

Hekk iddikjara l-editur tat-Times fil-ħarġa tat-Tlieta meta stqarr li l-Prim Ministru qed jipprova jdaħħal feles dwar in-newtralità. Iżda fil-verità, kull mhu qed jagħmel hu li litteralment joħloq konflitt fejn hemm paċi – biex fil-Kunsill Ewropew xorta spiċċa baxxa rasu u vvota favur aktar investiment fid-difiża Ewropea.

It-Times saħansitra tistqarr li din ma kinitx biss ipokrezija ta’ Robert Abela, iżda agħar minn hekk. “Din hi logħba perikoluża għall-pajjiż” min-naħa tal-Prim Ministru, li qed jiżra’ mill-ġdid ideoloġija ewroxettika.

L-editur jispjega għaliex din hija strateġija insensittiva u ta’ periklu. Speċjalment meta wieħed jiftakar fir-reputazzjoni li bniet Malta f’dawn l-aħħar 20 sena kemm ilha membru fl-UE.

Jispjega wkoll kif l-attakk ta’ Abela fuq Roberta Metsola, mhuwiex sempliċi attakk fuq kandidat tal-partit rivali – iżda fuq il-President tal-Parlament Ewropew. Allura, effettivament, il-Prim Ministru spiċċa fetaħ gwerra kontra l-Parlament Ewropew innifsu; inkluż is-Soċjalisti li tagħhom il-Labour huwa membru.

L-editorjal tat-Times jagħlaq billi jiddeskrivi dawn il-manuvri partiġjani ta’ Robert Abela bħala “nonsense” – retorika stupida.