Lokali

Francis Zammit Dimech itemm il-ħidma tiegħu fil-PN biex jinħatar Aġent President

Il-Partit Nazzjonalista u Media.Link Communications awguraw lil Francis Zammit Dimech għar-rwol ġdid tiegħu bħala Aġent President fil-leġiżlatura tan-Nutar Myriam Spiteri Debono.

F’avveniment li sar fid-Dar Ċentrali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li pajjiżna għandu jkun kburi għax xogħol siewi li wettaq Francis Zammit Dimech f’dawn l-aħħar snin fil-politika. Bernard Grech qal li fl-ewwel xhur fit-tmexxija tiegħu tal-Partit, Zammit Dimech kien ta’ spalla kbira bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino awgura lil Francis Zammit Dimech l-aqwa xewqat wara ħidma miegħu bħala Chairman tal-midja tal-Partit Nazzjonalista.

Preżenti għal dan l-avveniment kien hemm l-amministrazzjoni tal-Partit, Membri Parlamentari, kandidati tal-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew, u ħaddiema ta’ Media.Link Communications.

Francis Zammit Dimech se jkun qed jieħu r-rwol ta’ Aġent Presidcent wara li ntlaħaq qbil politiku fil-Parlament. Huwa se jkun qed jieħu post Frank Bezzina li ilu f’din il-kariga sentejn.

Zammit Dimech għandu storja twila fil-politika Maltija hekk kif għamel tletin sena – bejn l-1987 u l-2007 – fil-Parlament Malti.

Huwa kien serva għal 16-il sena bħala ministru f’diversi kabinetti Nazzjonalisti, u anke bħala Membru Parlamentari Ewropew bejn l-2017 u l-2019 meta huwa kien MEP Malti fl-istess perjodu mal-MEPs Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa.

Intant, illum stess, Francis Zammit Dimech irriżenja kemm mill-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija Net Media kif ukoll mill-Eżekuttiv tal-PN.

Fl-ittra tar-riżenja, hu spjega li ħa dan il-pass b’sens ta’ dover u bħala ġest ta’ korrettezza minn naħa tiegħu.