Lokali

Għall-għoli tal-ħajja, il-Gvern għadu bla soluzzjonijiet reali – PN

Robert Abela jgħix f’dinja li l-poplu Malti ma jafx

Il-poplu Malti u Għawdxi qed ikompli jbati għall-kriżi tal-għoli tal-ħajja għax Robert Abela jinsab rasu fir-ramel u ma jridx jagħti soluzzjoni ta’ bilħaqq għal din il-kriżi.

Il-prezzijiet ta’ diversi prodotti qed ikomplu jogħlew. Dan apparti li qed ikompli jiżdied il-prezz ta’ xirja bażika: minn prodotti tal-ħasil sa frott u ħaxix, kollox qed jogħla fil-prezz.

Matul konferenza tal-aħbarjiet, Robert Abela naqas milli jindirizza din il-problema bis-serjetà, tant li għadu qed jiftaħar bl-iskema “Stabbiltà” u ftaħar li ħoloq “ġlieda fil-prezzijiet bejn min se jraħħas l-aktar”.

Ir-realtajiet tal-familji Maltin bħalissa huma kompletament l-oppost.

Il-Partit Nazzjonalista ilu xhur issa jesiġi għal bidla fid-direzzjoni għall-mod kif naffaċċjaw l-għoli tal-ħajja. Fosthom li:

• Iż-żieda tal-COLA m’għandhiex tkun taxxabbli;
• Tax credits lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA;
• Ikun maħluq Fond Nazzjonali biex nappoġġjaw lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt tal-għoli tal-ħajja;
• Naraw li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.

Il-Partit Nazzjonalista ilu x-xhur u s-snin jagħti s-soluzzjonijiet għal dan, bħat-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u li n-negozji għandhom jingħataw inċentivi meħtieġa.

It-tberbiq u l-kultura tax-xejn mhu xejn li ħolqu Robert Abela u dawk ta’ madwaru huma l-ankra li qed tniżżel lill-pajjiż ‘l isfel, bil-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna qed kulma jmur tkompli titnaqqar fl-isfond tas-serq u skandlu ta’ kuljum maħluq minn dan il-Gvern stess.