Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu laqgħa mal-President George Vella fil-Palazz ta’ San Anton, it-Tlieta filgħodu, hekk kif il-Presidenza tiegħu waslet fi tmiemha.
Matul din il-laqgħa l-President George Vella qasam mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista wħud mill-esperjenzi li kellu matul din il-Presidenza, fejn esprima li f’ċertu waqtiet il-Presidenza kienet waħda iebsa b’mod partikolari fil-perjodu tal-pandemija kif ukoll waqt il-kontroversja marbuta mal-abort.
Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech irringrazzja lill-President George Vella għall-ħidma tiegħu f’kull sitwazzjoni li affaċċja – fejn hu dejjem żamm saqajh mal-art u ħaddan il-valuri tiegħu.
Issa, nhar il-Ħamis li ġej in-nutar Myriam Spiteri Debono se tkun qed tieħu l-ġurament tal-ħatra fejn se tkun il-ħdax-il President ta’ pajjiżna.
Dakinhar tal-ħatra, Net Television se jkun qed iwassal f’xandira diretta l-ħatra tal-President – xandira li se tibda fid-9 ta’ filgħodu u tibqa’ għaddejja sa waranofsinhar.
Ftit tal-ħin wara li jibda il-programm, il-President George Vella se jkun qed jitlaq mill-Palazz ta’ San Anton għall-aħħar darba u flimkien mas-Sinjura tiegħu, jiġu skortati lejn il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Dan filwaqt li Myriam Spiteri Debono mistennija titlaq mid-dar tagħha f’Birkirkara għall-ħabta ta 9:20am.
Fl-10 tibda’ quddiesa solenni kkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna.
Xħin tispiċċa l-quddiesa, l-Ispeaker flimkien mal-President Elett u l-familja tagħha, jitilqu bil-mixi mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann għall-Palazz tal-Gran Mastru. Iċ-ċeremonja tal-ġurament mistennija tibda f’nofsinhar.
Intant, waqt dan il-programm speċjali fuq Net TV, se jkunu qed jitwasslu d-dettalji kollha b’kollegamenti LIVE u diversi features kif ukoll analiżi dwar dak li qed nistennew mill-Presidenza ta’ Myriam Spiteri Debono. Dan apparti li ssir ukoll analiżi tat-terminu ta’ ħame snin li fih mexxa George Vella bħala President.
Il-programm se jkollu preżentazzjoni ta’ Nathaniel Attard, li se jkun akkumpanjat minn diversi mistiedna distinti fosthom l-Eks Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi, il-President Emeritu Marie-Louis Coleiro Preca, u l-Eks Speaker Anton Tabone.
//= $special ?>