Lokali

IL-KRIŻI TAL-GĦOLI TAL-ĦAJJA: Il-Prim Ministru jgħid li ħoloq “price war”

Ġimgħa wara l-oħra, il-prezzijiet ta’ diversi prodotti qed ikomplu jogħlew. Dan apparti li qed ikompli jiżdied il-prezz ta’ xirja bażika; minn prodotti tal-ħasil sa frott u ħaxix – kollox qed jogħla fil-prezz.

Iżda skont il-Prim Ministru Robert Abela, il-Gvern għamel minn kollox biex jindirizza din il-problema. Tant li għadu qed jiftaħar bl-iskema “Stabbiltà”.

Meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, Robert Abela ftaħar li ħoloq “gwerra”. Hu stqarr li “hemm ġlieda fil-prezzijiet, bejn min se jraħħas l-aktar”.

Il-Prim Ministru insista li rnexxielu jżomm “l-inflazzjoni ‘l isfel”. Dan meta r-realtajiet tal-familji bħalissa huma kompletament l-oppost. Abela għadu qed jgħid li l-Gvern tiegħu qed joffri stabbiltà sal-Budget li ġej.

Intant, Robert Abela ikkonferma li għad m’hemm ebda deċiżjoni dwar x’se jsir mill-isptarijiet ta’ San Luqa u Karin Grech. Dan wara li l-Qorti ddikjarat id-deal mal-Vitals u Steward bħala wieħed frawdolenti.

Is-sentenza fl-appell issa ilha li ngħatat ix-xhur, iżda Robert Abela nnifsu kkonferma li l-Gvern għadu bla pjan. U għadu jrid ikompli jiddiskuti fil-Kabinett.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru spiċċa jgħid ukoll li inawgura l-Berġa tas-Saħħa f’Ħal Qormi. Dan meta l-poliklinika kienet ilha mis-snin disgħin – fi żmien Gvern Nazzjonalista – li ġiet inawgurata.