Ta’ kull sena, fit-2 ta’ April, jitfakkar il-Jum Dinji ta’ kuxjenza dwar l-Awtiżmu, hekk kif ġie stabbilit mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2007. Il-fatt li din il-ġurnata ilha tiġi mfakkra biss għal dawn l-aħħar 17-il sena, juri li l-kuxjenza dwar dan is-suġġett, madwar id-dinja, bdiet titqanqal riċentement. Dan għalkemm, fl-1996 il-Parlament Ewropew kien approva ċ-Charter tad-Drittijiet tal-Persuni bl-Awtiżmu.
It-tema magħżula għal din is-sena hi “Moving from Surviving to Thriving”. Wasal iż-żmien li persuni li għandhom il-kundizzjoni tal-Awtiżmu mhux biss jgħixu, iżda wkoll jirnexxu.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Graziella Galea.
Kull persuna tista’ tirnexxi f’oqsma differenti u għandha tkun megħjuna biex tikseb suċċess fl-oqsma tal-ħajja li tagħżel li ssegwi. Għalkemm imxejna ‘l quddiem fl-għarfien, hemm lok għal aktar inizjattivi biex id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawn il-persuni jkunu indirizzati sa minn età żgħira biex b’hekk, kemm jista’ jkun, ikun hemm l-aqwa taħriġ u tagħrif.
Minn mistoqsijiet parlamentari jirriżulta li f’Malta għandna 498 student fl-Iskejjel Privati, 1,834 student fl-Iskejjel tal-Knisja u 5,356 student fl-Iskejjel tal-Istat li għandhom il-kundizzjoni tal-ADHD, Awtiżmu, jew Down’s Syndrome. Dan ifisser total ta’ 7,688 student fl-iskejjel kollha ta’ pajjiżna.
Is-snin li wieħed iqatta’ fl-iskejjel, f’kull livell, għandhom iservu biex jgħinu lill-istudenti nfushom, lill-ġenituri u lill-qraba tagħhom, kif ukoll lil dawk li eventwalment ikunu se jaħdmu magħhom. Hemm il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni aħjar bejn l-iskejjel, l-awtoritajiet tas-saħħa, kif ukoll mal-aġenziji li huma responsabbli mill-impjieg.
Persuni bil-kundizzjoni tal-Awtiżmu għandhom igawdu mill-istess drittijiet u privileġġi li tgawdi minnhom il-popolazzjoni Ewropea u jgħixu l-istess kwalità ta’ ħajja. B’hekk, jista’ jkun hemm is-suċċess meħtieġ biex kull persuna jkollha ħajja diċenti u kemm jista’ jkun independenti, b’integrazzjoni aħjar fis-soċjetà. Bi sforz kollettiv, kulħadd jista’ jilħaq l-ogħla livell ta’ suċċess possibbli u kull persuna tmur mill-‘eżistenza’ għal ‘suċċess’.
F’dan il-jum, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex jipprovdi l-għajnuna kollha meħtieġa lill-persuni bil-kundizzjoni tal-Awtiżmu, lill-ġenituri u lill-qraba tagħhom, lill-iskejjel li jattendu fihom u lill-postijiet tax-xogħol fejn jaħdmu. Irid ikun hemm ukoll aktar għarfien dwar il-kundizzjoni tal-Awtiżmu.
Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lid-diversi organizzazzjonijiet li jwasslu aktar għarfien dwar l-Awtiżmu, filwaqt li jippromwovu d-drittijiet ta’ dawn il-persuni u joffru l-assistenza meħtieġa, kif ukoll lill-professjonisti li jaħdmu b’tant dedikazzjoni.
//= $special ?>