Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giovanni Grixti u Edwina Grima, ċaħdet l-appell li sar minn Sudaniż li kien ġie kundannat 30 sena ħabs wara li f’Marzu tas-sena li għaddiet ammetta minflok għadda ġuri, li qatel Eġizzjan fil-Marsa. Huwa appella għax qal li wettaq ir-reat għax kien qed jibża’ li l-vittma joqtlu.
Fuq ammissjoni tiegħu stess, Al Mahy Ezzo Saeed (ritratt), li llum għandu 30 sena, instab ħati li fl-24 ta’ Lulju tal-2022 qatel lil Mahmoud Adly Qasim Gouda b’diversi daqqiet ta’ sikkina fi Triq Patri Feliċjan Bilocca. Kien fil-25 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet li Saeed ammetta d-delitt fil-Qorti tal-Maġistrati u fit-18 ta’ Settembru tal-istess sena, il-Qorti Kriminali kkundannatu 30 sena ħabs.
Waqt il-ġbir tal-provi rriżulta li l-vittma tad-daqqiet ta’ sikkina fatali fil-Marsa, instema’ jgħajjat “qalbi, qalbi!” u dan skont xhud li nzerta kien fuq il-post. Is-Sudaniż instabt ħati li qatel lill-vittma Eġizzjan ta’ 21 sena.
Saeed appella mis-sentenza għax sostna li fil-passat kien hemm diżgwid bejnu u bejn il-vittma. Qal li l-qtil ma kienx wieħed li mhux ġustifikat. Madankollu, il-Qorti tal-Appell Kriminali warrbitlu l-argumenti tiegħu għax qalet li huwa baqa’ jagħti lill-vittma anke meta dan ipprova jaħrab minnu. Sostniet li anke meta ppruvaw iżommuh, huwa baqa’ jagħti bis-sikkina lill-vittma.
L-Ispettur Shaun Pawney kien xehed fil-qorti li l-pulizija kienet irċeviet rapport dwar vittma li sofra daqqiet ta’ sikkina barra bar fil-Marsa. Il-vittma ttieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei iżda miet minħabba l-feriti li kien sofra.
L-ispettur kien mar fuq il-post, qrib Triq Diċembru 13, u osserva demm mal-art. Il-pulizija tkellmet ma’ persuni fil-qrib li kienu raw id-daqqiet tas-sikkina u s-suspettat li kien inżamm wara li ħarab fi sqaq qrib it-tined tal-patata fil-Marsa.
Persuna fil-qrib kienet ħadet filmat ta’ 11-il minuta li ttella’ fuq il-midja soċjali, madankollu, Pawney spjega li l-konsegwenzi tal-ġlieda kienu nqabdu fuq il-filmat. Xhud ieħor qal lill-pulizija li kien jaf kemm lill-vittma kif ukoll lill-akkużat, u qal li hu kien imur fi ġnien fejn jorqdu immigranti oħra. Spjega li nqala’ argument bejn it-tnejn, li matulu l-akkużat ta daqqa ta’ sikkina lill-vittma.
Persuna oħra qal lill-pulizija li sema’ lill-vittma jgħajjat “qalbi, qalbi!”. Fil-ħin tal-inċident, huwa kien mar fl-inħawi biex jixtri l-ikel. Il-ħati kien tkellem dwar l-inċident, u qal lill-pulizija li beża’ li r-raġel l-ieħor kien se joqtlu.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali żiedet li ma kien hemm ebda ħtieġa li juża s-sikkina fl-argument mal-vittma. Innutat ukoll li għalkemm il-kondotta tiegħu ma kinitx waħda allarmanti, huwa kien instab ħati li kkommetta diversi reati waqt li kien fis-sakra f‘xahar wieħed biss. Kien għalhekk li l-Qorti tal-Appell ċaħditlu l-appell u kkonfermat il-piena ta’ 30 sena ħabs.
Għall-ħati deher l-Avukat Jason Grima.
//= $special ?>