Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti, ikkonfermat is-sentenza ta’ għomor il-ħabs fil-konfront ta’ Michael Emmanuel li f’Lulju tas-sena li għaddiet instab ħati f’ġuri li qatel lill-eks sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius.
Emmanuel ta’ 34 sena mill-Kosta tal-Avorju, kien appella mis-sentenza għax baqa’ jinsisti li ma kienx hu li qatel lil Agius fit-13 ta’ Settembru tal-2018. Agius, omm, kienet instabet mejta f’sodda fid-dar ta’ ommha f’Raħal Ġdid. L-awtopsja kienet ikkonkludiet li hija ġiet fgata.
B’verdett ta’ 8-1, il-ġurati kienu sabu lil Michael Emmanuel ħati li qatel lill-eks sieħba tiegħu u li kkaġunalha ġrieħi ħfief, f’każ ċar ta’ vjolenza domestika. Maria Lourdes Agius kienet inqatlet fil-kamra tas-sodda tagħha f’Raħal Ġdid.
Il-ġuri kien instema’ quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja. Emmanuel ma nstabx ħati b’verdett ta’ 8-1 ta’ attentat ta’ feriti gravi fuq l-eks sieħba tiegħu u ommha. Emmanuel instab ħati b’verdett ta’ 8-1 li kkawża ġrieħi ħfief fuq Maria Lourdes Agius, u ħati 7-2 li wettaq l-istess reat fil-konfront ta’ ommha. Instab ħati wkoll b’mod unanimu li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, u ħati li kien kompliċi f’dan kolllu.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell Kriminali warrbitlu l-appell għax qalet li l-evidenza mressqa fil-ġuri kienet turi mod ieħor. Irreferiet għax-xhieda ta’ Dr. Mario Scerri li kien qal li qabel ġiet fgata, il-vittma ngħatat daqqa b’oġġett iebes.
Il-Qorti qieset ukoll li omm il-vittma xehdet li f’dak il-lejl semgħet lill-akkużat jhedded lil bintha li joqtolha. Kien għalhekk li warrbitlu l-argumenti tiegħu u kkonfermat il-piena ta’ għomor il-ħabs. Michael Emmanuel instab ħati li faga lil Maria Lourdes Agius ta’ 35 sena, fil-15 ta’ Settembru tal-2018. Il-vittma kienet tgħix ma’ ommha fi Triq F Tortell, u kellha sebat itfal, tnejn minnhom huma tal-ħati.
Il-mara kienet instabet f’pożizzjoni naturali imma kienet kiesħa u diġa’ mejta. Il-ħati kien qal ukoll lill-Pulizija li ma kellux xi jgħid mal-eks sieħba tiegħu. Il-prosekuzzjoni qalet li wara, Emmanuel kien bidel il-verżjoni u qal li l-vittma kienet talbitu biex joqtolha b’kurċifiss.
Dr. Mario Scerri kien qal fix-xhieda tiegħu li ma kien hemm l-ebda marka relatata ma’ kurċifiss fuq ġisem il-vittma. Għal Emmanuel, deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace filwaqt li l-Avukati Maria Francesca Spiteri u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali. L-Avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana dehru għal parte civile.
//= $special ?>