Ewropa Lokali

Roberta Metsola żżur l-Inizjattiva Amalthea: kuritur marittimu umanitarju kruċjali għal Gaza

Ftit sigħat biss wara li attakk f’Gaza ħalla mill-inqas seba’ voluntiera mejta, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola żaret iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tal-Inizjattiva Amalthea fil-port ta’ Larnaka, akkumpanjata mill-President tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Il-President żaret il-faċilitajiet u rat il-proċessi li jsiru biex tintbagħat għajnuna f’Gaza. Il-President Metsola tenniet it-talba tal-Parlament Ewropew għal waqfien mill-ġlied u għal investigazzjoni sħiħa dwar il-qtil tal-voluntiera ta’ World Central Kitchen.

Il-President Metsola qalet li s-sitwazzjoni f’Gaza għadha ddisprata u appellat għal investigazzjoni dwar il-qtil tal-voluntiera f’Gaza.

Il-President Metsola rringrazzjat lill-President ta’ Ċipru għat-tmexxija u l-impenn personali tiegħu biex l-Inizjattiva Amalthea ssir realtà.

“Il-ħidma tagħna hija ffukata biex inwasslu aktar għajnuna f’Gaza, insalvaw ħajjiet innoċenti, u nimbuttaw favur il-ħtieġa li jkun hemm żewġ stati, soluzzjoni li tagħti lill-Palestinjani perspettiva vera filwaqt li tagħti s-sigurtà lil Iżrael,” iddikjarat il-President Metsola.

Hija rrimarkat li dan huwa biss eżempju wieħed tat-tmexxija li l-Ewropa u d-dinja rat minn Ċipru, u żiedet li dan “huwa prova tal-fatt li fl-Ewropa ma nħarsux lejn il-pajjiżi bħala kbar u żgħar. It-tmexxija u l-ideat ma jiddependux fuq il-ġeografija.”

Filwaqt li Metsola għamlet appell biex tħeġġeġ aktar nies biex jivvutaw fl-elezzjoni ta’ Ġunju, il-President Ċiprijott awgura lill-MEP Maltija għall-kandidatura tagħha f’Malta fl-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej, u ddeskriviha bħala President Ewropea eżemplari.

Matul iż-żjara tagħha f’Ċipru, il-President Metsola ltaqgħet ukoll mal-President tal-Kamra tad-Deputati, filwaqt li pparteċipat ukoll f’konferenza roundtable maż-żgħażagħ.