Matul dawn il-ġranet qed isiru l-aħħar preparazzjonijiet fl-Università ta’ North Carolina Wilmington għall-CAA tournament. It-tim ta’ Wilmington se jkun qiegħed ifittex li jikseb ir-raba’ titlu konsekuttiv tiegħu, li jista’ jiftaħ l-opportunità biex jikkompetu fil-NCAA kampjonat nazzjonali, li huwa kklassifikat bħala l-iktar tournament prestiġjuż fil-livell ta’ kulleġġi fl-Istati Uniti.
It-tennista Malti, Alex Degabriele li ilu jgħix f’North Carolina minn Awwissu tal-2022 bħala parti minn programm tat-tennis imħejji mill-Malta Sports Scholarships Scheme, ukoll se jkun qiegħed jikkompeti f’din il-kompetizzjoni hekk kif irritorna għat-taħriġ wara perjodu barra mill-azzjoni minħabba xi injuries.
Alex ilu jitħarreġ mal-UNCW b’mod professjonali għall-aħħar sentejn, filwaqt li qiegħed jistudja fl-istess Università.
Alex li huwa membru tat-tim li rebaħ il-kampjonat CAA fl-2023, kellu l-ewwel staġun mill-aqwa hekk kif kiseb rekord ta’ 11-5 fis-singles u 11-7 fid-doubles. Degabriele huwa mistenni li jirritorna mill-Istati Uniti f’Mejju li ġej sabiex ikompli l-programm tiegħu fl-Ewropa, speċifikament mat-tim Taljan Mediterraneo CT li jikkompetu fis-Serie B Taljana. Alex ukoll se jipparteċipa fid-Davis Cup flimkien mal-Malta Tennis Federations.
Iż-żagħżugħ Malti mbagħad mistenni li jirritorna lura għall-Istati Uniti f’Awwissu li ġej fejn din id-darba se jkun parti mill-Pro ITF Circuit, b’iktar partiti anka jitlagħbu fit-Tuneżija u l-Belġju matul ix-xhur tas-sajf.
‘L-aħħar xhur kienu ta’ sfida kbira għalija’ qal Degabriele, filwaqt li kompla jżid kemm sab diffikultà minħabba l-injury fi spaltu u kif ma setax ikun ma’ sħabu għal dawn l-aħħar xhur.
‘Madankollu sibt għajnuna kbira mingħand il-kulleġġ, u l-istaff tekniku li għamlu xogħol tajjeb ħafna biex għenuni nirritorna.’ Ikkonkluda Degabriele.
//= $special ?>