Il-Kunsill Lokali tan-Nadur inawgura proġett ġdid b’investiment ta’ aktar minn €80,000. Dan huwa belvedere ġdid fi Triq ir-Ramla li ssemma proprju bħala Belvedere Zafferana Etnea.
Dan l-investiment sar grazzi għall-fondi akkwistati minn Development Planning Fund imħaddem mill-Awtorità tal-Ippjanar, flimkien ma’ fondi oħra investiti mill-Kunsill Lokali. Il-proġett ra post antik u żdingat jinbidel f’zona oħra rikreattiva ġdida fin-Nadur. Spazju li issa huwa ikbar, u jinkludi pavimentar ġdid bil-porfido, aċċessibbli għal kulħadd, picnic benches, bankijiet mas-siġar li ġew protetti, illuminazzjoni apposta għall-ewwel darba, railings ġodda bl-emblema tan-Nadur u aktar.
Belvedere li issa jikkumplimenta wkoll it-tisbiħ taz-zona wara li fl-aħħar snin ingħata wiċċ ġdid lill-istess triq. Għal din l-inawgurazzjoni attendew fost l-oħrajn is-Sindku ta’ Zafferana Etnea, Avv. Salvatore Russo.
//= $special ?>