Lokali Mużika

Festival prestiġjuż ta’ mużika alternattiva f’Mejju li ġej

minn Noel D'Anastas

Il-11-il edizzjoni ta’ Rock the South tinsab wara l-bieb, festival prestiġjuż ta’ mużika alternativa li minn sena għal oħra dejjem jikber, bl-appuntament ikun fiż-Zion Bar, f’Wied il-Għajn.

Għal tlett ijiem bejn it-3 u l-5 ta’ Mejju 2024, l-attrazzjoni se tkun waħda elettrifikanti mill-aktar versatili bis-sehem ta’ diversi bands u artisti lokali u barranin fi stili u xenarji varji li żgur għandu jpaxxi lil dawk li qed jistennew dan l-avveniment.  Bla dubju, iż-żewġ stages ta’ Rock the South huma l-pjattaforma mill-aktar interessanti wkoll għal dawk il-bands aspiranti f’atmosfera vibranti.

Id-duo Petbrick fost l-attrazzjonijiet prinċipali

Fost l-attrazzjoni prinċipali f’din l-edizzjoni se jkun hemm id-duo Petbrick, iffurmat minn Igor Cavalera u Wayne Adams. Cavalera li kiseb fama ma’ Sepultura u Soulwax, se jerġa’ jiġi Malta. Kien ġie għall-edizzjoni ta’ Rock the South tal-2022 fejn kien ta prestazzjoni b’ħoss elettroniku esperimentali. Din id-darba, Cavalera se jdoqq id-drums. Petbrick se jwasslu ħoss sperimentali mimlija enerġija b’vibrazzjonijiet punk, industrial u elettroniku.

Element ieħor internazzjonali huwa Waq Waq Kingdom magħmul minn Shigeru Ishihara (DJ Scotch Egg) u Kiki Hitomi (King Midas Sound) li bejniethom jipproduċu mużika elettronika, dub u ħoss sperimentali. Mir-Renju Unit ġej it-trio Bump li se jwassal kanzunetti konvenzjonali b’ħoss nostalġiku tas-snin 60 u 70 bi produzzjoni unika.

Forsaken u Brikkuni huma fost l-aktar bands lokali ta’ fama u suċċess li se jkunu fost l-attrazzjoni mistennija. Forsaken, jitqies fost il-kolonni tad-doom metal mhux biss f’Malta iżda fin-naħa t’isfel tal-Ewropa, bi storja twila lura għas-snin disgħin bi ħruġ ta’ diversi albums u prestazzjonijiet f’metal festivals internazzjonali – ambaxxaturi denji. L-istennija għal Forsaken f’Rock the South hija kbira, kif hija kbira wkoll għall-prestazzjoni li se jagħtu l-Brikkuni.

Brikkuni ilhom snin fix-xena lokali fejn kienu dominanti bi ħruġ ta’ kanzunetti seminali bl-ilsien Malti. Bil-ħruġ tal-album debuttanti Kuntrabanda fl-2008, Brikkuni b’lirika provokattiva, nisslu sens qawwi għall-kanzunetta bil-Malti fost bands u artisti oħra kontemporanji u oħrajn li ġew wara, l-aktar fl-element alternattiv. Mario Vella u sħabu żgur se jagħtu prestazzjoni oħra mill-aqwa.

Yasmin Kuymizakis jew aħjar JOON, songwriter u producer Maltija/Internazzjonali b’ħoss elettroniku uniku, se tkun ukoll fost il-headliners ta’ din l-edizzjoni. L-artistrija tagħha ddebutat fl-album Dream Again maħruġ fl-2021, u minn hemm kompliet tikber f’tour ma’ Future Islands u prestazzjonijiet fil-festivals internazzjonali, fosthom fl-Istati Uniti u dak fi Guadalajara, fil-Messiku, f’Corona Capital bis-sehem ukoll ta’ artisti rinomati Pussy Riot, Thundercat u oħrajn.

Dolls For Idols li jdoqqu element rock, indie u pop b’doża kbira ta’ ħoss elettroniku, se jirritornaw wara 10 snin. Kienu bdew madwar 15-il sena ilu iżda telqu lejn l-Ewropa. ‘Rave’N Roll’, ‘Youth’, ‘Berlin’, ‘Yeah You’ u siltiet oħra jiddefixxu l-polz u l-ħoss ta’ Dolls for Idols.

Attrazzjoni wkoll se jkunu The Areola Treat, Eyes to Argus, u Sam Christie. Il-lista ta’ esponenti f’din il-11-il edizzjoni, se tinkludi wkoll lil Kill the Action, Sean Borg, Double Standard, Lady Lizard, Bennie Blue, 400PPM, Halcyon, Morsrot, Skorch, Geistmaschine, Esteban Medusa, u Karmaġenn. Mill-Ġermanja ġejja wkoll il-band Minivan, u mir-Renju Unit, Makyo.

Mal-bands live, Rock the South 2004 se joffri esperjenza unika f’dak li se jitwassal fis-Silent Disco. Rock the South huwa mwassal bis-saħħa wkoll ta’ Vans Off the Wall, Urban Jungle, Rock’N Malta, u Festivals Malta. Aktar dettalji fuq il-pjattaformi soċjali ta’ rock the south kif ukoll fuq is-sit rockthesouthmalta.com.