Lokali Saħħa

F’Jum l-Awtiżmu jappella biex in-nies bl-awtiżmu jiġu trattati sew is-sena kollha

Andreas Juan Portelli, membru fi ħdan il-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista (MŻPN), f’jum l-Awtiżmu appella biex persuni b’din il-kundizzjoni jkunu stmati s-sena kollha mhux biss f’dan il-jum biss.

Huwa spjega li bħala persuna awtistika, hija ta’ sfida għalih li jikkomunika man-nies, li jesprimi lilu nnifsu u li jikkontrolla lilu nnifsu. Sfortunatament dawn l-isfidi, jirriżultaw fi problemi hekk kif kultant ikun eskluż mis-soċjetà.

Permezz ta’ video fuq il-paġna uffiċjali tal-MŻPN, Andreas Juan Portelli spjega li huwa attiv fil-politika għax jemmen li permess tal-politika jista’ jkun hemm progress. Appella lil dawk kollha li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu biex ma jaqtgħux qalbhom.

Huwa qal li minkejja li sar progress dwar l-għarfien fuq l-awtiżmu, fadal ħafna xi jsir u hemm bżonn ħafna iżjed tagħlim dwar din il-kundizzjoni.

Portelli spjega li hemm bżonn li jitwaqqfu postijiet ta’ terapija li fihom nies li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu jitgħallmu kif jintegraw fis-soċjetà. Saħaq li hemm bżonn pakett finanzjarju lill-NGO’s li jgħinu nies bl-awtiżmu.