Il-pulizija li arrestat tifel ta’ 12-il sena wara li hu, allegatament, wettaq sparatura fl-iskola li kien jattendi, qalu li t-tifel għażel li jwieġeb b’dan il-mod wara li kien spiċċa l-vittma ta’ bullying. It-tifel hu suspettat li qatel tifel ieħor b’tiri sparati direttament lejh u meta fl-azzjoni anki spiċċaw feruti tal-anqas żewġt ibniet.
L-allegat aggressur kien spiċċa arrestat viċin l-iskola fl-inħawi ta’ Vantaa, ftit wara li hu fetaħ in-nar fuq il-vittmi li huma kollha tal-istess età. L-aħħar rapporti qalu wkoll li l-bniet feruti kienu rikoverati l-isptar.
L-inċident wassal għal luttu nazzjonali, bil-bnadar jittajjru mezz’asta fuq il-bini pubbliċi.
Intant, l-investigazzjoni inizjali tal-pulizija dehret li kkonfermat l-istqarrijiet tat-tifel li hu kien spiċċa ‘persegwitat u vittma ta’ bullying’. Jidher ukoll li l-persekuzzjoni żdiedet wara li hu spiċċa trasferit lejn l-iskola ta’ Vataa, fit-tramuntana ta’ Ħelsinki.
Madankollu, il-pulizija anki żvelat li s-suspettat kien hedded lill-istudenti waqt li huma kienu fi triqthom lejn l-iskola li tinsab fiz-zona ta’ Siltamaki.
Waqt li l-pulizija jinsabu għaddejjin b’investigazzjoni dwar omiċidju u attentati ta’ qtil, is-suspettat ma jistax jinżamm kriminalment responsabbli minħabba l-età tiegħu – fost ir-rapporti li hu, bħalissa, qed jinżamm taħt l-osservazzjoni tas-servizzi soċjali.
//= $special ?>

