Lokali

Il-Maltin għandhom pagi li huma fost l-agħar fl-Ewropa

Il-paga tal-ħaddiema Maltin hija fost l-agħar fl-Unjoni Ewropea.

Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-Istatistika fl-Unjoni Ewropea, illi wera li l-maġġoranza tal-ħaddiema fl-Ewropa jaqilgħu €32 fis-siegħa. Dan meta l-ħaddiema Maltin – b’kuntarst kbir – jaqilgħu medja ta’ €14 fis-siegħa; b’eluf oħra jitħallsu saħansitra inqas minn dan l-ammont.

Fi kliem sempliċi ħaddiem Malti f’siegħa jaqla’ inqas minn nofs ta’ kemm jaqla’ ħaddiem fil-kumplament tal-Ewropa bħala medja.

L-unika pajjiżi li jħallsu rata inqas minn Malta huma l-Bulgarija, ir-Rumanija, l-Ungerija u l-Latvja. Il-Gvern jibqa’ ma jagħmel xejn sabiex jindirizza din ir-realtà.

Anzi għadu qed jiftaħar li n-nies saru sinjuri.

Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li ħaddiema fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, jitħallsu mat-€30 kull siegħa, waqt li f’pajjiżi oħra bħal-Lussemburgu, in-Norveġja u l-Iżlanda, il-ħaddiema jitħallsu bejn €37 u €54 fis-siegħa.

Dan l-istħarriġ juri wkoll kif f’kull pajjiż fl-Ewropa, il-pagi żdiedu – barra f’Malta.

Dan ifisser li Malta huwa l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn il-pagi ma ċċaqalqux sa mis-sena 2016, minkejja li l-pagi fl-2023 madwar l-Unjoni Ewopea żdiedu b’5%.

Apparti minn hekk, dan kollu jkompli jitfa’ iżjed piż fuq il-ħaddiem Malti li qed ikollu jikkumbati l-prezzijiet li qegħdin jogħlew ġimgħa wara ġimgħa, tant li l-inflazzjoni f’Malta qed tibqa’ ogħla mill-medja taz-Zona Ewro.

Kien għalhekk li l-PN fl-aħħar snin ippropona l-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi ġodda, sabiex jiġu żviluppati industriji li jiggarantixxu pagi aħjar – u b’hekk il-pajjiż joħroġ mill-kultura ta’ cheap labour li daħħalna fiha l-Gvern ta’ Robert Abela.