Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Rishi Sunak, żied il-pressjoni fuq il-Gvern ta’ Iżrael biex jaċċerta li ssir investigazzjoni indipendenti u trasparenti dwar l-imwiet ta’ tliet Britanniċi li kienu għaddejjin bix-xogħol ta’ fejda għar-residenti ċivili ta’ Gaza.
Dan waqt li Herzi Halevi, il-Kap tal-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani, sar l-ogħla uffiċjal ta’ pajjiżu li talab skuża, fost l-istqarrija li ‘ma messux sar il-bumbardament’ li sewa l-ħajja tal-ħaddiema, anki jekk l-azzjoni kienet indirizzata lejn it-terroristi tal-Ħamas f’dik iz-zona.
Il-Britanniċi maqtula kienu fost tal-anqas seba’ ħaddiema tal-għajnuna li tilfu ħajjithom fl-azzjoni li qed tkun imfissra bħala ‘l-akbar miskalkulazzjoni matul il-gwerra ta’ Gaza’.
Il-ħaddiema, kollha affiljati mal-entità karitatevoli bl-isem World Trade Kitchen, fil-bidu tal-ġimgħa, kienu qed iwasslu l-għajnuna lejn Gaza meta l-konvoj li kienu qed jivvjaġġaw fiha ntlaqtet mid-drones ta’ Iżraeljani. Din l-azzjoni ħalliet konsegwenzi traġiċi minkejja li l-ħaddiema ma kenux il-mira intenzjonata.
Herzi Halevi, fost il-kummenti ta’ wara, spjega li t-traġedja x’aktarx li kienet dovuta għal ‘identifikazzjoni żbaljata tal-vetturi.
It-tliet Britanniċi li mietu kienu eks membru tal-morini, veteran mas-Special Boat Service tar-Renju Unit u veteran ieħor tal-Armata.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu ammetta li Iżrael kien responsabbli għall-attakk mill-ajru fuq il-konvoj u qal li ‘dawn huma affarijiet li jsiru waqt gwerra’. Il-kumment, sadanittant, stona mal-apoloġija tal-Kap tal-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani li insista li Iżrael jinsab fi gwerra mal-Ħamas u mhux maċ-ċivili ta’ Gaza.
Herzi Halevi qal ukoll li l-azzjoni militari saret taħt ‘sitwazzjoni kumplikata’ u ried jiċċara ‘mija fil-mija’ li l-attakk ma sarx bl-intenzjoni li jipperikola l-ħajja tal-ħaddiema mal- World Food Kitchen.
Sadanittant, l-uffiċjal ma provdiex id-dettalji speċifiċi dwar l-azzjoni – bil-Prim Ministru Sunak, fl-aħħar sigħat, jinsisti għal żieda kbira fit-trasport tal-għajnuna liċ-ċivili Palestinjani; u fost twissija dwar is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza li ‘qed issir dejjem aktar intollerabbli’.
Rishi Sunak sellem lill-memorji tat-tliet Britanniċi waqt li faħħarhom għall-kuraġġ tagħhom minbarra li fisser l-imwiet tagħhom bħala ‘traġedja kbira li qatt ma messha saret’.
Il-Prim Ministru Britanniku żvela li hu tkellem mal-Prim Ministru Netanyahu fost l-insistenza għal investigazzjoni xierqa u li tieħu għaż-żmien kollu neċessarju. Hu ħeġġeġ ukoll biex il-Gvern Iżraeljan ineħħi kull xkiel u ostaklu għaċ-ċirkulazzjoni tal-ikel u affarijiet bażiċi oħra lejn il-Palestinjani f’Gaza.
Sunak għamilha ċara ma’ Netanyahu li jinsab ixxukkjat u mnikket dwar l-attakk fuq il-konvoj li seta’ kien evitat b’aktar attenzjoni. Hu anki infurmah li l-Iżraeljani ma jistgħux jiksbu suċċess militari finali fil-konfront tal-Ħamas jekk huma jippermettu jew jagħlqu għajnejhom għal dawn it-tipi ta’ diżastri.
//= $special ?>

