Internazzjonali

It-Tajwan: Tfittxija għal għexieren ta’ nies li jinsabu f’sitwazzjoni ddisprata wara l-agħar terremot fi kwart ta’ seklu

L-Awtoritajiet tat-Tajwan, bħalissa, għaddejjin b’ħidma ta’ emerġenza f’diversi bnadi wara li din il-Gżira-Stat intlaqtet mill-aktar terremot qalil għal kwart ta’ seklu. It-terremot ħalla l-imwiet u straġi enormi madwar il-pajjiż, bis-servizzi ta’ fejda jfittxu għal numru sostanzjali ta’ persuni rappurtati nieqsa.

Kienu konfermati tal-anqas għaxar mejtin wara t-terremot li rreġistra 7.4 fuq l-Iskala Richter u meta l-midruba kienu kalkulati qrib l-1,000.

Dan waqt li s-servizzi għall-emerġenzi qed jippruvaw isalvaw lill-għexieren tan-nies li spiċċaw iżolati f’kundizzjonijiet mill-aktar diffiċli b’konsegwenza tat-theżżiż tal-art.

Fost il-mejtin hemm tliet persuni li kienu għaddejjin b’hike qalb zona dominata mill-muntanji u li tilfu ħajjithom taħt valanga ta’ blat li ċeda għal fuqhom.

L-epiċentru tat-terremot, skont il-US Geological Survey, kien indikat xi 20 kilometru lejn in-nofsinar tal-belt ta’ Hualien.

Fl-istess ħin, ir-reġjun remot ta’ Hualien, fejn jispikkaw iz-zoni tal-muntanji, ġarrab sensiela ta’ valangi kbar li kkaġunaw il-ħsarat li x’aktarx huma rreparabbli.

Il-qawwa tat-terremot affettwat anki l-kapitali Tajwaniża, Tajpej, fost sensiela ta’ theżżiż tal-art sekondarju. Il-filmati li ħadu r-residenti juru l-bini waqt li kienu qed jitriegħdu b’konsegwenza tal-iżviluppi. Hemm ukoll il-bini li spiċċaw immejlin fuq il-pedament u li huma dikjarati f’sitwazzjoni mill-aktar perikoluża.

L-iskwadri tas-salvataġġ madwar it-Tajwan fil-preżent qed jistinkaw biex jilħqu lill-għexieren tan-nies maqbudin fil-bini u qalb il-mini ta’ taħt l-art.

Dan meta tal-anqas 80 ruħ inqabdu fil-mini ta’ Jinwen u Qingshui, taħt il-muntanji fir-reġjun ta’ Hualien.

Rapporti oħra, imbagħad, qalu li fl-eqqel tat-theżżiża, ċeda bini ta’ fabbrika fi New Taipei City, il-muniċipalità lejn it-Tramuntana tat-Tajwan u li hi l-aktar belt iffullata bir-residenti. Il-maġġoranza assoluta tan-nies li kienu fil-kumpless spiċċaw evakwati iżda r-rapporti mhumiex ikkonfermati qalu li għad fadal xi ħaddiema neqsin u li x’aktarx kienu f’xi sezzjonijiet tal-fabbrika.

Minuti wara li laqat it-terremot, l-awtoritajiet fil-Ġappun ħarġu twissija dwar il-possibbiltà tat-tsunami (mewġ tal-baħar enormi) għall-gżejjer ta’ Okinawa filwaqt li wissew lir-residenti fiz-zoni lejn il-lbiċ tal-pajjiż biex jibqgħu ‘i bogħod mill-artijiet tal-kosta.

Intant, it-twissija dwar it-tsunami, wara, kienet irtirata mill-Aġenzija Meteoroloġika Ġappuniża għalkemm l-uffiċjali xorta avżaw lin-nies biex jeżerċitaw il-kawtela  minħabba l-movimenti tal-baħar kontinwi.

Il-Filippini, lejn in-nofsinar tat-Tajwan, ukoll ħarġet allert ġenerali b’konsegwenza tat-terremot fit-Tajwan iżda wara, l-awtoritajiet lokali rtiraw it-twissija dwar it-tsunami għaz-zoni maġenb il-kosta fit-tramuntana tal-pajjiż – u fost il-bullettin li ‘ma kien hemm l-ebda movimenti tal-baħar sinifikanti’.