Edukazzjoni Lokali

L-istudenti mistiedna jimmaġinaw pajjiżhom permezz ta’ Minecraft

Id-Direttorat għal-Litteriżmu Diġitali u Ħiliet Trasversali fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, flimkien ma’ Microsoft Malta qed iniedi kompetizzjoni nazzjonali permezz ta’ Minecraft Education fost l-iskejjel kollha statali, privati u tal-knisja. Il-kompetizzjoni, ‘Schools Reinventing Malta” se tlaqqa’ t-tagħlim diġitali mal-kunċett ta’ sostenibbiltà billi se tħajjar lill-istudenti jużaw Minecraft Education biex jerġgħu jimmaġinaw lil Malta bħala pajjiż iżjed sostenibbli.

Il-proġetti li jintgħażlu bħala finalisti tal-kompetizzjoni, jintwerew matul il-Public Service Expo li se jittella’ f’Mejju li ġej.

B’dan il-proġett, qed jintwera kif il-ħiliet diġitali fost studenti iżgħar qed jitjiebu hekk kif metodi ġodda ta’ tagħlim introdotti fl-iskejjel f’età bikrija qed juru li huma aktar effettivi minn mezzi tradizzjonali ta’ tagħlim.

Neil Attard, Direttur fid-Direttorat għal-Litteriżmu Diġitali u Ħiliet Trasversali, ħabbar li bħalissa ninsabu fi żmien interessanti hekk kif l-iStrateġija dwar l-Edukazzjoni Diġitali dalwaqt mistennija tidħol fl-istadju ta’ konsultazzjoni sabiex tkun żgurata strateġija fejn kull suġġett ikollu stabbilit sett ta’ riżultati mit-tagħlim diġitali. Dan għandu jgħin biex nibdew nikkwantifikaw l-effett tat-teknoloġija fil-klassijiet b’mod li nnaqqsu x-xettiċiżmu li għad hemm dwar dawn il-metodi ta’ tagħlim dwar it-teknoloġija.

Sabiex aktar skejjel ikunu jistgħu jadottaw Minecraft Education fil-kurrikulu edukattiv tagħhom, Microsoft dan l-aħħar ipprovdiet liċenzji b’xejn lil diversi skejjel u bħalissa għaddejja wkoll b’taħriġ fost dawk l-għalliema li diġà wrew interess sabiex jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni flimkien mal-istudenti tagħhom.

L-iskejjel kollha statali, privati u tal-knisja huma mistedna jirreġistraw is-sehem tagħhom fil-kompetizzjoni nazzjonali ta’ Minecraft Education ‘Schools Changing Malta” billi jimlew formola sempliċi li tintbagħatilhom meta jiktbu email fuq digital-literacy@ilearn.edu.mt