Il-kandidat tal-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Agius kiteb lill-President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, Olvin Vella; u lill-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, Norma Saliba; dwar il-fatt li KM Airlines eskludiet il-lingwa nazzjonali, il-Malti, mir-rekwiżiti għall-ekwipaġġ li jaħdem magħha.
Infatti Robert Abela stess ikkonferma ilbierah filgħodu li mhux il-ħaddiema kollha tal-linja nazzjonali tal-ajru se jkollhom għarfien tal-lingwa Maltija. Dan għax hu qal li minn tal-anqas persuna waħda, ħaddiema tal-ekwipaġġ, se jkollha għarfien tal-lingwa u mhux l-ekwipaġġ kollu.
David Agius sejjaħ dan l-att bħala disprezz lejn il-lingwa Maltija u talab l-intervent tagħhom biex jieħdu ħsieb il-lingwa Maltija u biex jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ biex din id-deċiżjoni tinbidel minnufih.
Agius offrielhom l-appoġġ u l-għajnuna kollha tieghu.
Din hi l-email sħiħa li ntbagħtet:
Għażiża Norma/ Għażiż Olvin,
Xtaqt nesprimi b’mod uffiċjali, bħala Deputat Speaker u Membru Parlamentari d-diżappunt tiegħi personali kif ukoll dak ta’ bosta membri tal-pubbliku li għamlu kuntatt miegħi għad-deċiżjoni meħuda fl-aħħar jiem mil-linja tal-ajru l-“ġdida” ta’ pajjiżna, il-KM Airlines li teskludi l-lingwa nazzjonali, il-Malti, mir-rekwiżiti għall-ekwipaġġ li jaħdem magħha.
Qed nitlob l-intervent tiegħek, bħala persuna Ii għandha rwol kruċjali biex tieħu ħsieb il-lingwa Maltija, biex tagħmel dak kollu li hu meħtieġ biex din id-deċiżjoni tinbidel minnufih.
Filwaqt li din id-deċiżjoni hija ta’ disprezz għal-lingwa Maltija, inqisha wkoll bħala nuqqas ta’ apprezzament ta’ linja tal-ajru nazzjonali, li għandha r-responsabbiltà li tipprovdi esperjenza unika u awtentika ta’ dak kollu li hu Malti.
Konxju ta’ kemm inti stess tkellimt favur l-importanza li nħarsu l-Malti quddiem l-isfidi eżistenzjali li għandu quddiemu, ninsab konvint li inti tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex twassal dan il-messaġġ lill-awtoritajiet ikkonċernati.
Nitolbok iżżomni infurmat bid-deċiżjoni tiegħek u bl-iżviluppi li jkun hemm, u noffrilek kull appoġġ li nista’ nagħtik dwar dan.
//= $special ?>