Ekonomija Lokali

Pagi staġnati għal tmien snin: wirt il-politika ekonomika tal-Labour – PN

F’ċertifikat tal-politika taċ-cheap labour tal-Partit Laburista fil-Gvern, rapport riċenti tal-Eurostat sab li l-pagi f’Malta u Għawdex mhux biss huma fost l-aktar baxxi fl-Unjoni Ewropea, iżda issa ilhom staġnati għal tmien snin sħaħ.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża, Jerome Carauna Cilia; ix-Shadow Minister għax-Xogħol u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda, Ivan J. Bartolo; u x-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castillo f’isem il-Partit Nazzjonalista. Huma żiedu li kontra l-impressjoni li l-Gvern Laburista jipprova jagħti ta’ kuljum, bi propaganda qarrieqa b’infiq ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro kull sena, il-familji Maltin u Għawdxin huma altru milli “sinjuri żgħar”. Għall-kuntrarju, dan ir-rapport ta’ aġenzija Ewropea juri kif il-pagi f’Malta huma fost l-aktar baxxi fl-Unjoni Ewropea kollha u, agħar minn hekk, il-livell medju tal-pagi baqa’ fl-istess livell għal tmien snin sħaħ.

Dan wassal biex il-livell tal-pagi baqgħu staġnati minkejja livelli rekord ta’ għoli tal-ħajja, b’mod partikolari fuq prodotti essenzjali bħal ikel, frott u ħaxix, li poġġa eluf ta’ familji f’diffikultajiet, b’numru dejjem akbar f’sitwazzjoni ta’ faqar jew riskju ta’ faqar.

Dan ir-rapport hu ċertfikat tal-falliment tal-politika ekonomika mbuttata minn Robert Abela u l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, li jiddependi minn importazzjoni bla kontroll ta’ cheap labour biex ikomplu jkabbru l-ekonomija. Dan għad-dannu ta’ setturi fundamentali oħra tal-ekonomija, bħall-edukzzjoni, is-saħħa u l-infrastruttura li qed jikkrollaw taħt din iż-żieda qawwija fil-popolazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jġedded l-appell tiegħu – li dwaru wkoll hemm qbil tista’ tgħid nazzjonali minn korpi kostititwiti u stakeholders ewlenin – biex pajjiżna jadotta mudell ekonomiku sostenibbli, ibbażat fuq kwalità mhux biss kwantità u li jfittex il-valur miżjud. Jeħtieġ li nsaħħu l-livelli ta’ produttività f’pajjiżna. Hekk biss pajjiżna jista’ verament jerġa’ jattira impjiegi ta’ kwalità ogħla li jattiraw pagi aħjar.

Jekk Robert Abela u Clyde Caruana, anke quddiem ċertifikat ta’ falliment bħal dan, jibqgħu jinsistu f’din id-direzzjoni, ċertament li jitqajjem dubju dwar ir-raġunijiet wara dan u raġuni oħra għaliex pajjiżna verament jeħtieġ direzzjoni ġdida.