Ġurnata speċjali għal Myriam Spiteri Debono hekk kif matul il-jum li fih se tinħatar President tar-Repubblika ta’ Malta, il-familja tagħa mhux biss se tkun qed takkumpanjha imma se tkun qed tipparteċipa wkoll fil-Quddiesa li se ssir fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Il-President Elett u l-familja tagħha se jaslu l-Belt għall-ħabta tal-09:50… sabiex fl-10 tibda l-quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Elena Capel Cure bint il-President Elett se tkun qed taqra l-ewwel qari, George Spiteri Debono it-tifel tal-President-Elett se jkun qed jaqra is-Salm Responsarjali u Esmeralda Spiteri Debono l-mara tat-tifel tagħha se tkun qed taqra it-tieni qari f’din il-quddiesa.
Sinifikanti wkoll il-fatt li n-neputijiet tal-President Elett Pippa u Beppe Spiteri Debono flimkien ma’ Alexandra u Paul Tipo se jkun qed jitilgħu bl-offerti.
Iċ-ċelebrazzjoni li tissejjah “Quddiesa Soleni għal Art Twelidna” se titmexxa minn Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna.
Matul il-jum Net Television se jkun qed ixxandar programm speċjali li jibda’ fid-9 ta’ filgħodu siegħa qabel tibda’ il-Quddies u jibqa’ għaddej sa wara nofsinhar.
Fil-bidu tal-programm il-preżentatur Nathaniel Attard se jkun qed jitkellem mal-President Emeritu Marie- Louise Coleiro Preca kif ukoll mal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Fil-11am, il-President Elett u l-familja tagħha jitilqu bil-mixi mill-Konkatidrat għall-Palazz tal-Gran Mastru.
Il-qofol ta’ din il-ġurnata jintlaħaq f’nofsinhar meta l-Ispeaker jipproċedi lejn is-Sala tat-Tron, u jiftaħ is-seduta Parlamentari. U kwarta wara Myriam Spiteri Debono tieħu l-Ġurament bħala l-11-il President ta’ Malta.
Mument ieħor sinifikanti huwa dak meta l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono tindirizza lill-mistednin distinti – diskors li mistenni jagħti togħma ta’ dak li pajjiżna se jkun qed jistenna minn din il-Presidenza.
Għall-ħabta tas-13:20pm, Myriam Spiteri Debono toħroġ mill-Palazz għal Pjazza San Ġorġ, waqt li ftit tal-mumenti wara l-President Elett se tqiegħed bukett tal-fjuri biswit il-monument tal-gwerra sabiex eventwalment tmur lejn il-Palazz ta’ San Anton, Ħ’Attard …. fejn hemhekk tiġi milqugħa mill-istaff tal-Palazz.
Aktar tard, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mistenni jagħmel żjara uffiċjali lil Myriam Spiteri Debono fil-Palazz ta’ San Anton.
Intant, waqt dan il-programm speċjali fuq Net TV se jkunu qed jitwasslu d-dettalji kollha b’kollegamenti LIVE u diversi features….kif ukoll analiżi dwar dak li qed nistennew mill-Presidenza ta’ Myriam Spiteri Debono. Dan apparti li ssir ukoll analiżi tat-terminu ta’ 5 snin li fih mexxa George Vella bħala President.
//= $special ?>