Lokali

Pubblikat il-programm sħiħ tal-avvenimenti li se jseħħu fil-jum li fih Spiteri Debono se tieħu l-ġurament bħala President tar-Repubblika

Ħareġ uffiċjalment il-programm ta’ dak kollu li se jiġri l-Ħamis, fil-jum li fih in-nutar Myriam Spiteri Debono tieħu l-ġurament tal-ħatra bħala l-11-il President fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan wara li ġie fi tmiemu t-terminu tal-President George Vella.

Skont il-programm uffiċjali, il-President Elett u r-raġel tagħha se jaslu fil-Belt għall-ħabta tal-9:50am, sabiex imbgħad fl-10am issir il-quddiesa li se titmexxa minn Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna. Din iċ-ċelebrazzjoni tissejjaħ “Quddiesa Solenni għal Art Twelidna”.

Fil-11am, wara l-Quddiesa Solenni, il-President-Elett u l-familja tagħha jitilqu bil-mixi mill-Konkatidral ta’ San Ġwann għall-Palazz tal-Gran Mastru. Fil-11:40am, il-Gwardja tal-Unur tal-Forzi Armati ta’ Malta
timmarċja minn quddiem il-bini tal-Parlament ta’ Malta f’Misraħ il-Ħelsien, għal Pjazza San Ġorġ fejn jindaqq l-Innu Malti.

Il-qofol ta’ din il-ġurnata jintlaħaq f’nofsinhar, meta -Ispeaker jipproċedi lejn is-Sala tat-Tron, u jiftaħ is-Seduta Parlamentari.

F’12:15pm, Il-President u l-President-Elett jiġu skortati għas-Sala tat-Tron mill-Ispeaker. F’dan il-mument, in-Nutar Myriam Spiteri Debono tieħu l-Ġurament tal-Kariga ta’ President ta’ Malta. Il-President
tiffirma l-Ġurament tal-Kariga u l-Ispeaker jiffirma l-Ġurament bħala konferma.

F’dan il-ħin, Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta jdoqqu fanfarra u jisparaw salut ta’ wieħed u għoxrin tir mill-Batterija tas-Salut.

Mument ieħor sinifikanti huwa dak meta l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono tindirizza lill-mistednin distinti – diskors li mistenni jagħti togħma ta’ dak li pajjiżna se jkun qed jistenna minn din il-Presidenza.

Għall-ħabta tas-13:20pm, Myriam Spiteri Debono toħroġ mill-Palazz għal Pjazza San Ġorġ. Il-President titla’ fuq id-dais, tingħata Salut Nazzjonali, u jindaqq l-Innu Malti.

Wara, l-President tispezzjona l-Gwardja tal-Unur u jsir flypast mill-Iskwadra tal-Ajru tal-Forzi Armati ta’
Malta.