Lokali

Salvati 27 kelb immaltrattati minn residenza privata; fosthom għadd ta’ ġriewi

27 kelb tat-tip bully breeds instabu mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali f’residenza f’kundizzjoni ħażina. L-uffiċjali tad-Direttorat ħadu azzjoni hekk kif irċevew rapport dwar kelb li allegatament kien jidher f’kundizzjoni ħażina.

Hekk kif l-uffiċjali waslu fil-post sabiex jivverifikaw ir-rapport, huma sabu numru kbir ta’ klieb miżmuma f’qagħda ħażina, fosthom marbuta bi ktajjen tal-ħadid, b’nuqqas ta’ iġjene, numru ta’ ġrieħi kif ukoll immaltrattati.

Fost dawn il-klieb, kien hemm żewġ ommijiet li kienu qegħdin jindukraw għadd ta’ ġriewi żgħar magħhom.

L-uffiċjali tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali bl-assistenza tal-pulizija, f’operazzjoni li damet għaddejja għal ftit sigħat, ħadu lil dawn il-klieb fil-kustodja tagħhom, b’uħud minnhom ikollhom jiġu trattati minħabba l-kundizzjoni prekarja li nstabu fiha.

Din hija operazzjoni oħra li d-Direttorat wettaq sabiex jiġu protetti l-annimali. Dan wara r-riforma li saret riċentament is-sena l-oħra, fejn isaħħaħ kemm il-kapital uman u sussegwentement ukoll l-operat tad-Direttorat. Permezz ta’ emendi li saru fl-Att għat-Trattament Xieraq tal-Annimali fis-sena 2023, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ngħata aktar poteri ta’ infurzar biex ikun jista’ jwettaq operazzjonijiet bħal dawn.

F’każijiet simili, fejn ikun hemm suspett ta’ maltrattament ta’ annimali, il-pubbliku jista’ jagħmel rapport billi jċempel fuq in-numru 1717.

Id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jinkoraġġixxi lil dawk il-persuni li jixtiequ jadottaw sabiex iżuru l-Għammieri jew jidħlu fis-sit www.adoptapet.gov.mt