Lokali Mużika

Anecdotes of Maltese Early Jazz

minn Noel D'Anastas

Is-seba’ kunċert fis-sensiela ‘Anecdotes of Maltese Early Jazz’, se jsir fit-12 t’April 2024, fit-Teatru Manoel, il-Belt, u se jkun qed jagħti ħarsa lejn l-istorja tal-mużika jazz f’Malta.

F’dan il-kunċert se jindaqqu kompożizzjonijiet oriġinali minn uħud mill-pijunieri tal-jazz lokali b’arranġament għall-kwintett minn Mro Dominic Galea.
Dawn il-kunċerti huma mwassla flimkien mal-filmati li jiddokumentaw il-karriera tal-protagonisti fl-istorja tal-jazz f’Malta, riċerkati minn Ġużè Camilleri u prodotti minn Nix Mangiari. L-istejjer konvinċenti huma ppreżentati b’kollaborazzjoni ma’ Sugu.
L-istejjer ippreżentati huma siltiet minn dokumentarju li ġej bl-isem ‘Strait Street to Abbey Road’, adattat għall-iskrin taħt id-direzzjoni ta’ Cedric Vella.
Id-dokumentarju huwa l-qofol ta’ xhur ta’ riċerka ta’ Camilleri u jesplora l-ħajja tad-drummer leġġendarju Malti George Caruana, magħruf aħjar bħala Tony Carr. Carr ta kontribut importanti fix-xena mużikali ta’ Malta u aktar tard sab fama barra minn Malta jdoqq ma’ wħud mill-akbar ismijiet fl-istorja mużikali. Hija ħasra li l-wirt ta’ Carr u oħrajn intesa u l-għan ta’ Ġużè Camilleri kien li jreġġa’ l-arloġġ lura u jġib il-memorji ta’ Carr u sħabu f’dak li taw lill-mużika Maltija. Ħajr lill-Kunsill Malti għall-Arti li taw fondi biex dan il-proġett jista’ jsir.
Il-kwintett f’dan il-kunċert huwa ffurmat minn Dominic Galea (pjanu), Ġużè Camilleri (drums), Anthony Saliba (double bass), Florent Hinschberger (trumpet), Walter Vella (flute & saxophone), filwaqt li Cedric Vella se jieħu ħsieb il-viżwali.
Id-diska vinyl tal-mużika esegwita se jkun għall-bejgħ wara l-kunċert. Wieħed jista’ jordna l-kopja tiegħu minn issa fuq https://www.guzecamilleri.mt/anecdotes-of-maltese-early-jazz