Lokali

Bernard Grech jiltaqa’ mal-President il-ġdid Myriam Spiteri Debono

Wara ġurnata ta’ impenji, il-President il-ġdid Myriam Spiteri Debono flimkien mar-raġel tagħha n-nutar Anthony Spiteri Debono laqgħu lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech flimkien mas-sinjura tiegħu Anne Marie Grech fil-Palazz ta’ San Anton, f’Ħ’Attard, fejn hemm hekk iddiskutew id-direzzjoni ta’ pajjiżna u l-prijoritajiet ta’ din il-presidenża.

Aktar kmieni tul il-jum fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, Myriam Spiteri Debono ħadet il-ġurament tal-kariga ta’ President ta’ Malta mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u saret il-11-il President tar-Repubblika.

Il-President Spiteri Debono issa hija t-tielet President Mara, wara l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca li serviet fil-perjodu bejn 2014 u l-2019, u l-President Agatha Barbara li kienet l-ewwel President mara li serviet fis-snin bejn 1982 u l-1987.

Hija wkoll it-tielet President minn Għawdex fejn qabilha kien hemm Anton Buttigieg li serva bejn 1976 u l-1981 u Ċensu Tabone li serva bejn 1989 u l-1994.