Il-pajjiżi Baltiċi – l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja – ilkoll membri tan-NATO wara passat bħala parti mill-Unjoni Sovjetika antika, huma attenti ħafna għall-iżviluppi tal-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna. Dan ukoll meta aktar ilħna influwenti fir-reġjun u ‘l hinn minnu qed jinsistu biex l-Istati l-oħrajn tal-Alleanza ‘jqumu u jiffaċċjaw ir-realtajiet tal-lum b’mod aktar dirett’.
Dawn it-tliet pajjiżi huma ġirien tar-Russja li ilha l-aħħar snin twettaq l-offensiva qalila fl-artijiet Ukreni. U waqt li l-ingaġġ bil-lieva għal servizz militari kien spiċċa f’ħafna pajjiżi tal-Ewropa mat-tmiem tal-Gwerra Bierda. L-Estonja għamlitha ċara li ‘tinsab lesta għal kull eventwalità’ fi żmien perikoluż ħafna għall-kontinent.
Fl-Estonja, iż-żgħażagħ ta’ ‘l fuq minn 18-il sena, huma obbligati li jidħlu għal servizz militari. Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin, is-servizzi tal-lieva ħadu spinta fl-Istati l-aktar viċin tar-Russja – anki jekk il-Kremlin ta’ Moska ċaħad ċar u tond li jista’ qed jaħseb biex jattakka lil xi pajjiż tal-Alleanza.
Intant, kelliema għall-Ministeru tad-Difiża tar-Renju Unit qalu li mhemm assolutament l-ebda suġġeriment li l-pajjiż jista’ qed jaħseb mill-ġdid biex jimponi l-lieva għaż-żġħażagħ.
Madankollu, in-Norveġja, din il-ġimgħa, ħabbret li qed iżżid l-ammont tas-suldati ngaġġati bil-lieva wara li d-Danimarka, qabel, ikkonfermat li beħsiebha testendi l-lieva biex tinkludi lin-nisa – minbarra li żżid ukoll il-perjodu tas-servizz militari.
Riċentement, il-Latvja u l-Iżvezja wkoll introduċew mill-ġdid is-servizz militari għaż-żgħażagħ – u bil-Litwanja ddaħħal il-lieva dritt wara li r-Russja kienet ħatfet il-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna, fl-ewwel xhur tal-2014.
//= $special ?>