Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Il-Gvern taħt pressjoni biex jissospendi l-bejgh ta’ armi lil Iżrael

Żdiedet il-pressjoni fuq il-Gvern tar-Renju Unit biex jissospendi l-bejgħ ta’ armi lil Iżrael. Dan wara l-qtil tal-ħaddiema tal-World Central Kitchen fl-azzjoni militari tat-Tnejn mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani.

‘Il fuq minn 600 espert legali kitbu lill-Prim Ministru Britanniku, Rishi Sunak, biex iħeġġuh itemm l-esportazzjoni tal-armamenti lill-Iżraeljani f’sitwazzjoni fejn ir-Renju Unit qed jissogra li jikser il-liġi internazzjonali bħala sors li jixpruna s-sogru ta’ ġenoċidju f’Gaza.

Minkejja l-ispjegazzjonijiet ta’ Iżrael dwar l-attakk tat-Tnejn li sewa l-ħajja tas-seba’ ħaddiema, José Andrés, il-fundatur tal-World Central Kitchen, qed jakkuża direttament lill-qawwiet Iżraeljani dwar allegata strateġija fejn huma ‘konċentraw l-attakk b’mod speċifiku bil-ħsieb li jolqtu kull vettura fil-konvoj.’

Fl-aħħar sigħat, intant, il-Ministru Iżraeljan għall-Ekonomija, Nir Barkat, informa lill-Istazzjon BBC  li ‘ma jagħmel l-ebda sens li Iżrael jattakka dolożament lill-konvojs ta’ fejda’. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Sunak sejjaħ għal investigazzjoni indipendenti dwar l-attakk tat-Tnejn f’Gaza, iżda fl-ebda ħin ma indika li pajjiżu se jżomm lura mill-bejgħ ta’ armi lil Iżrael.