Elezzjonijiet 2024 Lokali Unjoni Ewropea

Lee Bugeja Bartolo jniedi l-viżjoni tiegħu bħala kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Il-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Lee Bugeja Bartolo, nieda l-kampanja tiegħu fejn iffokka fuq il-punti li se jkun qed iħaddan matul din il-kampanja elettorali. Hu ħares lejn is-sitwazzjoni politika preżenti, fejn anke numru ta’ żgħażagħ tilfu l-fiduċja fil-politika u anke qed inaqqsu l-involviment tagħhom fil-komunità.

Fl-intervent tiegħu, Lee Bugeja Bartolo tenna li l-ħidma tiegħu se tħaddan il-prinċipji li nakkwistaw mill-ġdid li nirritornaw għal valuri bażiċi li jagħmlu soċjetà ġusta u li fuq kollox inħaddnu l-privileġġ li għandna tad-demokrazija u li permezz tad-demokrazija nistgħu nġibu l-bidla li tant jeħtieġ.

Hu kompla billi elenka l-fatt li kull ċittadin għandu d-dover li fl-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju jivvota.

Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għamel referenza għall-ktieb “Il-Politika ta’ Persważjoni” ta’ Guido de Marco, fejn tenna li l-politiċi għandhom jikkonvinċu b’eżempju u li l-bidla li tant tkun mistħoqqa se tasal jekk ikun hemm politiċi li jibqgħu jinsistu għal dak li vera hu tajjeb.

Hu kompla billi qal li fuq kollox, din hi l-politika tal-Partit Nazzjonalista, li bil-politika ta’ fejda, il-poplu jista’ jiggwadanja minn politika għal Malta aħjar fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm numru ta’ uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, Membri Parlamentari, membri tal-Kumitati, NGO’s u għaqdiet oħrajn, li setgħu jifhmu aktar il-politika ta’ Lee Bugeja Bartolo, fejn tenna li matul il-kampanja tiegħu se jkun qed jaqsam l-ideat tiegħu man-nies u jisma’ kif l-Ewropa tista’ tkun ta’ impatt pożittiv fuq il-komunitajiet Maltin u Għawdxin.