Knisja Lokali

“Nirrikonoxxu li aħna m’aħniex awtosuffiċjenti”

L-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Anton Teuma saħaq fuq l-importanza li kull esperjenza li ngħaddu minnha f’ħajjitna nagħmluha ma’ Kristu ħaj u rebbieħ.

Monsinjur Anton Teuma semma’ fl-omelija li saret nhar Ħadd il-Għid fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria, kif fid-dinja tal-lum hija sfida kbira li nieqfu, nirriflettu, u naħsbu hekk kif jinqalgħu ħafna biżgħat dwar is-saħħa, dwar il-futur, dwar ir-relazzjonijiet u dwar it-tfal.

Dawn il-biżgħat jistgħu jkunu kemm ta’ żvantaġġ kif ukoll ta’ vantaġġ. Iżda meta nirrikonoxxu li m’aħniex awtosuffiċjenti, nistgħu nsiru aktar realistiċi u ngawdu l-veru sens tal-ħajja.

Madankollu, jekk inħallu dawn il-biżgħat jimblukkawna kompletament, jista’ jkun hemm effett fuq l-andament tal-ħajja tagħna.

L-isqof semma’ kif il-biża’ mill-mewt hija biża’ komuni; iżda hemm biża’ oħra li taffettwa l-abbiltà tagħna li nkampaw mal-aspettattivi tas-soċjetà u niġu aċċettati. Dan filwaqt li teżisti l-biża’ komuni li nispiċċaw iżolati u weħidna.

Hawn, Monsinjur Teuma insista li Kristu Irxoxt jindirizza dawn il-biżgħat kollha bil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Dan għaliex Ġesù jgħidilna li aħna ħajjin u se nibqgħu ħajjin; u b’hekk biss nistgħu nindirizzaw il-biżgħat li niffaċċjaw u jippermettilna ngħixu f’dinja fejn ma nkunux awtosuffiċjenti.