F’laqgħa li kellu Bernard Grech fis-Siġġiewi…. diversi bdiewa tkellmu mal-Kap tal-PN dwar id-diffikultajiet tagħhom, speċjalment diffikultajiet finanzjarji – fejn sostnew li l-Gvern jista’ jagħmel ħafna aktar fejn tidħol għajnuna. Din kienet okkażjoni li matulha numru ta’ bdiewa esprimew l-inkwiet tagħhom dwar in-nuqqas ta’ xita u t-tibdil fil-klima; l-istess xita li hi essenzjali biex jiġu kultivati l-prodotti.
Il-bdiewa, apparti li qasmu d-diffikultajiet tagħhom, dawwru lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista mar-raba’, fejn spjegawlu bosta elementi tas-sengħa tagħhom kif ukoll qasmu rakkonti mill-passat – kemm il-ħajja kienet ferm differenti u iktar sempliċi minn dik tal-lum.
F’kummenti li ta lil Net News Bernard Grech sostna li l-politika tal-Partit Nazzjonalista hija magħmulha min-nies; b’hekk il-politiku irid dejjem jisma’ d-diffikultajiet u l-esperjenzi varji tagħhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, apparti laqgħat mal-bdiewa, iltaqa’ ma’ bosta nies fis-Siġġiewi minn sferi differenti tas-soċjetà, fejn qasmu miegħu l-inċertezzi tagħhom dwar il-futur ta’ pajjiżna filwaqt li tkellmu dwar it-tama tagħhom għal pajjiż aħjar – bl-aktar tema li issemmiet tkun l-isfida tal-għoli tal-ħajja.
Bernard Grech sostna li l-missjoni tal-Partit Nazzjonalista hi dik li jreġġa’ lura t-tama f’qalb il-poplu. Filwaqt illi insista li l-Partit Nazzjonalista għandu is-soluzzjonijiet.
Bernard Grech stqarr li l-Partit Nazzjonalista lest għall-isfidi li għandu quddiemu l-pajjiż, u jinsab ħerqan sabiex matul il-jiem li ġejjin l-messaġġ tal-Partit jasal għand in-nies biex iwassal il-bidla li tant hi meħtieġa, f’livell Ewropew u dak lokali.
//= $special ?>