Lokali

Il-Kunsill tas-Sigurtà fit-Toroq ilu ħames xhur ma jiltaqà

Il-Kunsill tas-Sigurtà fit-Toroq qed jaffaċċja kritika għan-nuqqas ta’ ħidma minn naħa tiegħu, minn mindu ħatar chairman ġdid ħames xhur ilu.

Iċ-chairperson il-ġdida tal-kunsill, Therese Bajada, inħatret f’Novembru, iżda l-kunsill għad irid jagħmel laqgħa taħt it-tmexxija tagħha. Huwa mifhum li qabel il-ħatra ta’ Bajada, il-kunsill kien jiltaqa’ darba kull xahrejn. 

Id-direttur ġenerali tal-assocjazzjoni responsabbli mill-assigurazzjoni, Adrian Galea, stqarr mat-Times illi minbarra l-verifiki fit-toroq, jidher li s-sigurtà mhix tingħata prijorità mill-Gvern. U sostna li dan l-aħħar qed jiġu osservati inqas kontrolli fit-toroq tagħna.

Galea qal li l-bidliet fil-pożizzjonijiet ministerjali u fit-tmexxija ta’ Transport Malta setgħu kienu l-kawża ta’ dan id-dewmien. 

Chris Bonnet inħatar Ministru tat-Trasport minflok Aaron Farrugia f’Jannar li għadda. Xahar wara, Mark Mallia inħatar Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, wara Jonathan Borg.

L-Insurance Association esprimiet frustrazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ kontinwità kkawżata minn dawn il-bidliet frekwenti.

Sadanittant, il-pjan biex jiġi stabbilit Road Accident Bureau – imħabbra b’reazzjoni għaż-żieda qawwija li kellna fl-aħħar snin fl-imwiet fit-toroq tagħna – għadu pendenti.

F’Diċembru li għadda, kelliem għall-Ministeru tat-Trasport kien qal li t-twaqqif ta’ dan il-Bureau kien fi stadju delikat “sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-investigazzjoni tas-sigurtà ma jikkompromettix l-inkjesti maġisterjali u viċi versa”.

Il-Ministeru tat-Trasport qal li jeħtieġ li tiġi stabbilita triq legali ‘l quddiem.