Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib dwar is-sitwazzjoni fil-ħabs

Wara li tħabbret mewta oħra ta’ persuna li kien qed jiskonta sentenza l-ħabs, li skont rapporti miet kawża ta’ attentati biex ineħħi ħajtu stess, il-Partit Nazzjonalista jinsab inkwetat dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-ħabs ta’ Kordin.

Din il-mewta tkompli fuq l-isfortuna ta’ sensiela ta’ priġunieri li għamlu attentati li jneħħu ħajjithom fil-ħabs, fejn sfortunatament numru minnhom irnexxielhom. Il-Partit Nazzjonalista jagħmel appell ċar: li l-funzjoni tal-ħabs m’għandhiex tkun dik biss ta’ prevenzjoni li persuni jinżammu maqfula fil-ħabs, iżda għandu jkollu funzjoni retributtiva u fl-istess waqt iħares is-sigurtà tal-priġunieri li suppost ikunu għaddejjin mill-programmi ta’ riforma biex ma jerġgħux jaqgħu għall-kriminalità.

Kien x’kien ir-reat li għaliha qed jiskonta s-sentenza fil-ħabs, jew x’kienu l-allegazzjonijiet li għalihom qed jinżamm f’detenzjoni, il-ġustizzja ma ssirx billi persuna titħalla toqtol lilha nnifisha, iżda l-ġustizzja ssir billi persuna teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti, tgħaddi minn programm retributtiv u riformatorju u tkun assigurata d-dinjità tal-persuna waqt li qed tinżamm il-ħabs.

Il-Partit Nazzjonalista jappella għal trasparenza sħiħa dwar dak li seħħ fil-ħabs dwar dan il-każ biex ukoll iserraħ l-imħuħ tal-familji tal-persuni li qed jinżammu fil-ħabs. Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jesiġi li tkun assigurata l-kwalità tas-saħħa mentali tal-priġunieri u naraw li dawn jingħataw l-attenzjoni immedjata.

Fl-aħħar mill-aħħar, ir-responsabbiltà ta’ kull persuna taqa’ fuq l-amministrazzjoni tal-ħabs, li suppost hi l-aktar binja b’sigurtà għolja f’pajjiżna, u xorta fiha għadhom jiġru każijiet bħal dawn.