Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, ikkummenta, bla tlaqliq, li l-Ukrajna, ‘il quddiem, se tifforma parti mill-Alleanza tan-NATO – u minkejja li r-Russja żgur mhix lesta biex taċċetta żvilupp hekk sinifikanti ħafna għar-reġjun u għall-Ewropa.
Blinken qal dan waqt is-summit, fi Brussell, biex jiċċelebra għeluq il-75 sena mit-twaqqif tan-NATO; bis-Segretarju tal-Istat Amerikan jisħaq li l-konferenza kellha l-iskop biex tixpruna l-impenji lejn dan it-tragward storiku.
Waqt is-summit spikkaw ukoll l-isforzi biex l-Istati tan-NATO ‘ma jaqgħux lura’ fl-għajnuna tagħhom lill-Ukrajna – u bil-membri tal-Alleanza jfaħħru d-determinazzjoni u perseveranza tal-Ukreni fost il-wiegħdiet li din l-għajnuna ( lill-Ukrajna) għandha tkompli.
Madankollu, Jens Stoltenberg kien attent biex jenfasizza li n-NATO ma tikkunsidrax ruħha bħala entità involuta direttament fil-gwerra tal-Ukrajna.
Stoltenberg kompla li n-NATO lanqas mgħandha l-pjani biex tittrasferixxi lit-truppi lejn l-Ukrajna għall-kumbattimenti għalkemm beħsiebha twieġeb għall-appelli kontinwi mill-Ukreni biex jingħataw aktar armi, munizzjon u tagħmir ieħor.
Hu kompla li dan ma jfissirx li n-NATO qed tkun parti mill-konflitt iżda li l-Alleanza qed tappoġġja d-dritt tal-Ukreni biex jiddefendu s-sovranità ta’ pajjiżhom.
//= $special ?>