Internazzjonali

Ir-Russja: Attakk preċiż u effettiv fuq il-bombers ta’ Putin

Il-qawwiet tal-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, wettqu wieħed mill-aktar attakki effettivi bid-drones fuq il-qawwiet tal-ajru tar-Russja mindu l-Armati ta’ Vladimir Putin invadew l-artijiet tal-Ukreni fi Frar tal-2022…Attakk li fih inqerdu talanqas sitt bombers tat-tip Su-34 u Tu-160…Ajruplani valutati ħafna mill-Kremlin u li jintużaw għall-attakki ta’ preċiżjoni fuq il-miri militari u anki ċivili qalb l-ibliet Ukreni.

L-azzjoni tal-Ukreni – matul il-lejl tal-Ħamis — ikkonċentrat fuq numru ta’ mitjar fin-nofsinar tar-Russja u fejn kienu rappurtati madwar 60 splużjoni konsekuttiva. Ingħad ukoll li talanqas għaxar bombers oħra ġarrbu l-ħsarat sinifikanti matul ir-rejd għalkemm mhux mifhum li dawn inqerdu kompletament.

L-aħħar rapporti komplew li fl-azzjoni tal-Ukreni setgħu mietu jew indarbu l-għexieren tal-membri tas-servizzi militari Russi u li l-bażi ta’ Morozovsk kellha ġġarrab l-akbar impatt tal-azzjoni. Din il-bażi tintuża mill-ajruplani ta’ Putin li kemm il-darba qed jipprovdu appoġġ lis-suldati Russi fid-diversi fronti tal-gwerra fl-Ukrajna.

Filwaqt li l-media Russa konfermat l-attakk tal-Ukreni fuq il-mitjar ta’ Morozovsk kif ukoll il-mitjar ta’ Engels, l-uffiċjali u l-propagandisti f’Moska ma kummentawx b’mod espliċitu dwar l-azzjoni meqjusa bħala waħda umiljanti għall-Kremlin.

Dam wara li l-Ukreni sparaw aktar minn 40 drone lejn ir-reġjun ta’ dawk il-mitjar viċin il-fruntiera tar-Russja mal-Ukrajna – bl-attakk fuq il-kumpless ta’ Morozovsk anki jħalli l-mijiet tar-residenti fiz-zona mingħajr dawl wara li substation tal-elettriku ntlaqat direttament minn drone.

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja, fi stqarrija li ħarġet tard, ikkummenta li d-drones tal-Ukreni kienu twaqqgħu ‘kollha’ u li r-reġjuni ta’ Saravov, Kursk, Belgorod u Krasnodar ukoll kienu spiċċaw fil-mira tal-għadu.

L-Ukrajna, fl-aħħar jiem, żiedet l-attakki bid-drones fuq il-miri militari tar-Russja u fejn anki qed tikkonċentra fuq il-faċilitajiet tal-enerġija man-naħa l-oħra tal-fruntiera.