Il-militar Iżraeljan keċċa lil żewġ uffiċjali ewlenin fost l-investigazzjoni dwar x’wassal għall-attakk ta’ jiem ilu fuq il-konvoj ta’ fejda tal-World Central Kitchen li kien qed iwassal l-għajnuna liċ-ċivili ta’ Gaza….Attakk li fih inqatlu numru ta’ ħaddiema ta’ dik l-entità, fosthom xi voluntiera Britanniċi.
L-inkjesta tal-Qawwiet tad-Difiża ta’ Iżrael qed issostni li xi ħaddiema li kienu qed jivvjaġġaw f’dan il-konvoj irnexxielhom jiżgiċċaw mill-mewġa inizjali tal-attakki mill-ajru…Madankollu, sar magħruf ukoll li dawn il-ħaddiema nqatlu xorta wara li missila kienet laqtet lill-karozza tagħhom lejn l-aħħar tal-azzjoni.
U filwaqt li l-analiżi qed tkompli, il-kelliema għall-World Central Kitchen sejħu biex kummissjoni indipendenti tinvestiga aktar dwar il-qtil tal-ħaddiema. Dan fost l-insistenza li l-apoloġiji min-naħa ta’ Iżrael ‘mhumiex se jtaqffu l-uġigħ u t-tbatija tal-famili li tilfu l-għeżież tagħhom għal xejn b’xejn permezz tal-attakk’.
Fl-aħħar sigħat kompliet anki l-pressjoni biex l-Alleati ta’ Iżrael, inklużi l-Istati Uniti u r-Renju Unit, ma jipprovdux aktar armi ‘state of the art’ lill-militar Iżraeljan meta f’Gaza qed tiżviluppa kriżi umanitarja ‘simili għal ġenoċidju’.
Dan ukoll meta l-WCK u aġenziji oħra tal-għajnuna, għalissa, waqqfu l-missjoni tagħhom fil-Medda ta’ Gaza minħabba li ma jistgħux ikunu ċerti li l-ħaddiema tagħhom ma jisfawx mill-ġdid mira għall-ajruplani ta’ Iżrael.
Fil-preżent, in-Nazzjonijiet Uniti qed tikkalkula li madwar 1.1 miljun Palestinjan – madwar nofs il-popolazzjoni ta’ Gaza – qegħdin ibatu minn ġuh kbir huma u jistennew għall-provvisti bażiċi għall-ħajja ta’ kuljum.
Is-sitwazzjoni ta’ dawn in-nies saret tassew iddisprata anki jekk Iżrael, issa, approva l-ftuh mill-ġdid tal-aċċess ta’ Erez li għandu jiffaċilita t-trasport tal-għajnuna mill-artijiet Iżraeljani lejn Gaza.
Infetaħ mill-ġdid ukoll il-Port ta’ Ashdod – wieħed mill-akbar hubs tal-Iżraeljani għat-trasport tal-merkanzija bil-baħar – u fost it-tamiet li tista’ tirranka ċ-ċirkulazzjoni tal-ikel u affarijiet bażiċi oħra lill-familji Palestinjani.
L-aħħar aħbarijiet qalu li fis-sigħat li jmiss għandu jkompli wkoll it-traffiku tal-għajnuna mill-Ġordan lejn il-Medda ta’ Gaza u li jrid jgħaddi mill-komunità ( kibbutz) ta’ Kerem Shalom, f’Iżrael.
//= $special ?>