Il-Maġistrat Rachel Montebello semgħet kif ma tnediet l-ebda inkjesta Maġisterjali f’Diċembru tal-2021 – tliet xhur qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2022 – meta kien hemm 321 każ suspettuż li l-pulizija kellha l-provi fuqhom ftit wara li tnediet investigazzjoni dwar ir-racket tal-benefiċċji soċjali.
Benefiċċji soċjali fażulli li allegatament ilaħħqu s-somma ta’ €6,430,000 bil-Pulizija issib fil-laptop ta’ Silvio Grixti total ta’ 630 file kkunsidrati bħala suspettużi li jinkludu ċertifikati ffalsifikati ta’ tobba li lanqas biss kienu jafu lill-pazjenti li b’mod frawdolenti kien irċevew flus mit-taxxi tal-poplu li ma kellhomx dritt għalihom. Dan ħareġ wara domanda li saret mill-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher għal wieħed mill-akkużati.
Mix-xhieda ħareġ li l-Pulizija marret fil-clinic ta’ Silvio Grixti f’Ħal Għaxaq fejn hemm kien ittieħed il-lap top tal-akkużat fejn kien hemm ħafna files li kienu relevanti għall-investigazzjoni, Minn naħa tiegħu l-eks-Spettur Anthony Scerri qal li f’Ottubru 2021 il-Pulizija kienet irċiviet email mingħand Joyce Cassar mill-OPM fejn infurmathom li ċertu Frank Farrugia kien ippreżenta tliet ċertifikati li x’aktarx kienu foloz. Il-Pulizija bdiet tinvestiga u kellmet lill-psikjatra Peter Muscat li kien jidher li ffirma xi ċertifikati.
Muscat min naħa tiegħu qal lill-Pulizija li Farrugia ma kienx il-pazjent tiegħu u li ma kienx iffirma dawn iċ-ċertifikati. Muscat spjega li kien hemm inkonsistenza bejn dawn iċ-ċertifikati u ċ-ċertifikati li jifirma hu. Il-Pulizija, sussegwentamemt arrestat lil Frank Farrugia li qal li ċ-ċertifikati kien għamilhom Silvio Grixti.
L-Ispettur Scerri spjega wkoll li kien hemm dokumenti lesti b’firem ta’ diversi tobba oħra, inkluż tobba barranin fuq il-laptop ta’ Silvio Grixti. Dan ħareġ meta fil-Qorti bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Silvio Grixti, li qed jiġi akkużat li pprovda dokumenti mediċi foloz biex jgħin lin-nies, li ħafna minnhom ġejjin minn fortizzi Laburisti, biex jirċievu benefiċċji soċjali b’medja ta’ €450 fix-xahar għal diżabbiltà severa li ma jbatux minnha.
Grixti, ta’ 49 sena, tabib tal-familja miż-Żejtun, qed jiġi mixli li kien jifforma parti minn grupp kriminali, u li wettaq frodi, li ffalsifika dokumenti, għamel dikjarazzjonijiet foloz, ħasil ta’ flus u li xtara propjetà meta kien jaf li kienet ġejja minn attività kriminali. Il-prosekuzzjoni qed titlob lill-Qorti biex jittieħdlu wkoll il-warrant ta’ tabib.
Mat-tabib Silvio Grixti qed jiġu mixlija wkoll Dustin Caruana ta’ 36 sena minn Marsascala li jaħdem mal-public works, Manuel Spagnol li huwa pensjonant ta’ 69 sena, Luke Saliba ta’ 33 sena li jaħdem fil-catering u Roger Agius ta’ 45 sena minn San Ġiljan li joqgħod Birżebbuġa, li jaħadem mal-public works li fost oħrajn jinsabu mixlija b’ħasil ta’ flus, frodi u organizzazzjoni kriminali.
L-akkużati kollha wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom. Fil-bidu tas-seduta, il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex tiffriża l-assi tal-akkużati u ordnat lill-prosekuzzjoni tindika l-ammonti fi żmien 90 jum skont il-liġi. L-ispettur Shaun Friggieri ppreżenta l-istqarrijiet uffiċjali tal-akkużati.
James Camilleri mis-Cyber Crime Unit xehed li t-taqsima għamlet analiżi tal-mobile u l-kompjuter tat-Tabib Silvio Grixti. Huwa ppreżenta ‘hard disk’ li tikkonsisti f’immaġini ta’ kontenut mill-mobile u l-laptop ta’ Grixti.
L-eks spettur tas-Cyber Crime Anthony Scerri xehed li kollox beda meta hu rċieva email mingħand Joyce Cassar, Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (People and Standards). Cassar qalet li ġew ippreżentati tliet ċertifikati li l-bord deherlu li kienu foloz.
Ix-xhud tenna li fuq iċ-ċertifikati kien hemm imniżżel isem il-Psikjatra Peter Muscat u meta l-pulizija tkellmu miegħu, qalilhom li ma kienx jaf il-pazjent u li dak miktub mhuwiex dak li jikteb normalment fuq ċertifikat u li anke l-letterhead taċ-ċertifikat huwa wieħed skorett.
Qal li l-persuna li deher li kien qed iqarraq kien Frank Farrugia mill-Imqabba, li witta t-triq għall-investigazzjoni fejn dan kien jidher li ried jgħaddi bord. Wara interrogazzjoni li saret fuqu, huwa kienet tressaq il-Qorti u ngġħata sentenza sospiża.
Hu qal li ma kienx hu li ffalsifika iċ-ċertifikati izda qalilhom li kien it-Tabib Silvio Grixti li kien tah iċ-ċertifikat mil-lap top tiegħu. L-ex Spettur Scerri qal li minn investigazzjonijiet ulterjuri li għamlu l-pulizija, instabu wkoll diversi templates identiċi għaċ-ċertifikat ta’ Farrugia, kif ukoll templates b’ismijiet ta’ tobba oħra.
Ħafna files suspettużi nstabu fuq il-lap top ta’ Silvio Grixti
Qablu xehed l-eks Spettur fis-Cyber Crime Timothy Zammit. Dan qal li l-irwol tiegħu kien li jinvestiga l-laptop u l-mobile tat-Tabib Grixti. Tenna li aktar 600 dokument mediku ta’ persuni differenti dehru suspettużi.
Xi dokument ħarġu mill-isptar Mater Dei b’dati u ġeneru l-istess. Kull ma kien ikun hemm differenti kien l-isem tal-pazjenti. Deher ċar li kien eżerċizzju ta’ l-istess template iżda bidla fil-pazjenti. Qal li wieħed mid-dokumenti kien test mediku ta’ ċertu Amanda Psaila.
Aktar tard instab dokument identitiku li jinkludi l-istess data, ħin u anke dettalji mediċi fuq l-isem ta‘ Antonio Vittorio Cassar. Qal li l-mobile ngħata lura lit-Tabib Grixti wara li l-pulizija ħadet immaġini tal-konetnut li kellu fih.
L-eks Spettur tal-Pulizija li kien mar fil-clinic ta’ Ħal Għaxaq ta’ l-eks deputat Laburista u għamel ‘keyword search’ u għamel tfittxija fil-kontenut kollu tal-lap top. Kienet saret ukoll tfittxija fuq il-mobile ta’ Frank Farrugia, li kien ikun f’kuntatt ma’ Grixti, iżda ma nstab xejn.
Wara li dahar il-files kollha tal-lap top ta’ Grixti fuq dokumenti li kienu fil-google drive, kien identifika li mill-14,000 file, 428 minnhom kienu relevanti għall-investigazzjoni għax jew kellhom letterhead mhux ta’ min jorbot fuqha u l-firma li qed joħroġ minnha fid-dokumenti kienet stampa oħra.
Ix-xhud qal li kien hemm dokumenti mediċi li ħarġu minn Mater Dei, u dawn kollha bl-istess data, fejn ikun hemm tibdil f’isem il-pazjent. Per eżempju kien hemm isem ta’ raġel u l-gender ikun ta’ mara. Qal li 19-il file mill-google drive, instab li 17 minnhom kienet suspettużi.
Qal li iċċekkja ukoll dokumenti li kienu saved bħala PDF u li minn 187 kien hemm erba’ relevanti għall-investigazzjoni. Kien hemm ‘letter heads’ ta’ Transport Malta u minn 596 immaġini oħra, kien hemm mal-400 li jkellhom jiġu miġuba għall attenzjoni. Qal li anke ‘zip file’s kien identifikat file li kien kien ferm suspettuż ukoll. Bħala total qal li kien sab 630 file kkunsidati bħala suspettużi.
Waqt il-kontra-eżami, l-Avukat Franco Debono li flimkien mal-Avukat Arthur Azzopardi qed jidher għal Grixti staqsa lix-xhud dettalji ta’ fejn inżamm il-laptop u min għamel l-investigazzjoni fuqu. L-eks spettur wieġeb li kien hu li ġabar il-laptop minn fuq il-post u ħadu fil-laboratorju tas-cyber crime unit.
Żied jgħid li l-kontenut kollu tal-laptop ġie mgħoddi fuq ‘hard drive’ li nżammet imqabbda mal-kompjuter tal-ispettur tul l-investigazzjoni kollha. Spjega li din qatt ma setgħet tiġi skonnettjata minħabba li tieħu sigħat jew ġranet twal biex terġa‘ tiġi kkonnettjata.
L-eks Spettur Zammit qal li l-maġġoranza tad-drabi huwa kien jidħol l-ewwel fil-laboratorju u joħroġ l-aħħar wieħed, inkluż dakinhar li għalaq l-analiżi. Qal li s-software li jintuża għall-investigazzjoni tħalli biss lil dak li qed jinvestiga jaqra l-informazzjoni u ma tħallix lill-istess individwu jżid fuq dak li qed jaqra.
Xehed ukoll Frank Farrugia, il-persuna li t-Tabib Grixti allegatament għamillu tliet ċertifikati u li ġew ppreżentati lill-bord mediku. Qal li t-Tabib Grixti kien jagħmillu diversi ċertifikati mediċi minħabba li kien qed iħoss sintomi ta’ dipressjoni sakemm il-bord mediku għajjat lil Farrugia.
Ix-xhud qal li huwa ġie mgħajjat tliet darbiet mill-bord u kull darba ppreżenta dokument maħruġ mit-Tabib Silvio Grixti iżda ffirmat mill-Psikjatra Peter Muscat li qal li qatt ma mar għandu. Qal ukoll li f’mument minnhom kien iddeċieda li jerġa’ jmur għax-xogħol u ma jgħix fuq il-benefiċċji soċjali.
Xhud ieħor kien George Cremona, id-Direttur tal-Income Support and Compliance Division li tagħmel mis- Sigurtà Soċjali. Qal li ż-żewġ akkużati Roger Agius u Luke Saliba ssottomettew applikazzjoni inkluż ċertifikat iffirmat mit-tabib Grixti għal benefiċċju soċjali offrut għal dawk li jsoffru minn diżabilità severa, f’dan il-każ epilepsija.
Cremona qal li dawk magħżula jingħataw pagament skont kemm id-diżabilità tkun severa. Huwa qal li Roger Agius tħallas is-somma ta’ €43,398, 43ċ. filwaqt li Luke Saliba tħallas ftit aktar minn €23,000. Iż-żewġt irgiel ma baqawx jirċievu l-pagament fl-2023 wara li l-pulizija tat struzzjonijiet sabiex jitwaqqfu jintbagħtu l-pagamenti minħabba investigazzonijiet li kienu għaddejjin.
Id-Direttur tas-Sigurtà Soċjali qal li b’kollox twaqqfu madwar 321 persuna li b’kollox ingħataw is-somma ta’ €6,230,000 f’benefiċċji soċjali. L-Avukati Micheal Sciriha, Lucio Sciriha u Roberto Spiteri qed jidhru għal Caruana u Spagnol. L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jidhru għal Agius filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono qed jidhru għat-Tabib Grixti. Għal Saliba qed jidhru l-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Abigail Caruana Vella u Charmaine Abdilla mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Andy Rotin, Wayne Borg u Shaun Friggieri. Għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed tidher l-Avukat Anita Giordimaina. Il-kumpilazzjoni se tkompli l-Erbgħa, 17 ta’ April fil-11am.
//= $special ?>