L-avukati ta’ Daniel Joe Meli qalu li meta ta l-kunsens tiegħu biex jiġi estradit lejn l-Istati Uniti ma kienx fi stat ta’ saħħa mentali tajba. Wara li operazzjoni mill-pulizija Maltija li assistit lill-FBI fl-investigazzjonijiet wasslet għall-arrest tiegħu b’rabta mal-bejgħ ta’ malware illegali.
Meli residenti Ħaż-Żabbar, ma kienx kkontesta l-estradizzjoni tiegħu fil-Qorti imma wara kien fetaħ kawża l-Qorti biex ma jiġix estradit. Meli, li għandu 27 sena minn Ħaż-Żabbar huwa maħsub li ħadem ma’ nies li mhumiex Maltin
Hu qed jiġi mfittex mill-awtoritajiet Amerikani b’rabta ma’ investigazzjoni fuq bejgħ ta’ materjal fuq id-dark web. F’kawża li Meli fetaħ kontra l-Istat, li qed tinstema’ quddiem l-Imħallef Doreen Clarke, xehdu diversi esperti fil-qasam tas-saħħa.
It-Tabib Adrian Micallef, li beda jsegwi liż-żagħżugħ fl-2018, qal li Meli kien jieħu żewg tipi differenti ta’ mediċini kontra l-ansjetà u dipressjoni minħabba stress fuq ix-xogħol. Huwa qal ukoll li kien hemm żmien fejn iż-żagħżugħ kien jabbuża mill-istess mediċini.
It-Tabib John Zammit Montebello qal li meta eżamina lil Meli sab li dan kellu dipendenza fuq droga, fosthom l-eroina u l-kannabis sintetika. Hu żied li minkejja li ż-żagħżugħ kien dipendenti fuq id-droga deher stabbli.
It-tabib żied li kemm-il darba spjega liż-żagħżugħ li d-dipendenza fuq id-droga mhux se tħalli effett pożittiv fuq is-saħħa mentali tiegħu. Il-psikologa Gail Debono qalet li segwiet lil Meli fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minħabba n-natura tal-każ u minħabba li ż-żagħżugħ sofra minn episodji ta’ ħsibijiet suwiċidali.
Hi rrakkuntat episodju fejn l-akkużat talab biex ikollu sezzjoni magħha fejn xtaq jitkellem magħha dwar tliet esperjenzi li ġarrab fi tfulitu. Il-psikologa qalet li nhar it-Tlieta 2 ta’ April, Meli sarlu test għall-ansjetà u dipressjoni, fejn aktar tard irriżulta li kien qed ibati minn ansjetà moderata u dipressjoni severa.
Fix-xhieda tiegħu l-psikjatra Anthony Zahra qal li Meli sofra minn episodji ta’ delużjoni fuq tliet ijiem, tant li kellu jittieħed għall-osservazzjoni l-Isptar Mater Dei. Meli kien spiċċa arrestat fis-7 ta’ Frar li għadda f’operazzjoni li kienet ikkoordinata mill-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bl-appoġġ tal-FBI u d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan.
Hu kien tressaq il-Qorti jumejn wara u kien ta l-kunsens tiegħu għat-talba ta’ estradizzjoni lejn l-Istati Uniti biex jiffaċċja l-akkużi quddiem il-Qorti Amerikana. Il-malware, huwa mifhum li huwa magħruf bħala trojan, u li jintuża minn kriminali biex jiksbu aċċess għal kompjuters u servers u jikkontrollaw it-tħaddim tagħhom. Il-pulizija qalet li fl-Istati Uniti kien hemm diversi vittmi li kienu waqgħu għal dan l-iscam, mingħajr vittmi rrappurtati f’Malta s’issa.
Il-profili tal-midja soċjali ta’ Meli jgħid li kien jaħdem mal-Air Malta bħala aġent ta’ check-in, u li issa jaħdem mal-Aviaserve. L-investigazzjonijiet f’Malta, immexxija mill-pulizija tas-cybercrime, inbdew wara talba għall-għajnuna mill-Istati Uniti, li indikat li s-suspettat ewlieni fil-bejgħ ta’ din l-iscam huwa Malti.
Mill-investigazzjonijiet irriżulta l-identifikazzjoni tas-suspettat Malti u l-assoċjazzjoni tiegħu ma’ kriminali oħra li mhumiex Maltin u li ma joqogħdux Malta. Is-suspettat ġie arrestat fuq il-post tax-xogħol tiegħu fil-Gudja fis-7 ta’ Frar, u waqt tfittxijiet li saru f’diversi postijiet relatati mas-suspettat, inqabdu bosta oġġetti marbuta ma’ din l-investigazzjoni. Għal Daniel Meli qed jidhru l-Avukati Arthur Azzoppardi, Franco Debono, Jacob Magri u Marion Camilleri.
//= $special ?>