Futbol Sport

Gowl f’kull taqsima jagħtu rebħa lil Floriana fuq ir-rivali Valletta

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Neil Camenzuli

VALLETTA  ……………………………………0

FLORIANA  …………………………………..2

Valletta: A.Guarnone, J.Bolanos, E.Ruiz (L.Presties 46’), O.Barrientos, A.Ferraris (J.Benites 85′), S.Dimech (E.Keyon 62’), G.Braganca (C.Gauci 90′), J.Azzopardi, F.Falcone, D.Paiber, A.Silas (E.Garba 62’)

Floriana : G.Kitanov, O.El Hasni, K.Reid (M.Veselji 70’), M.Nogureira, D.Vella, O.Spiteri, N.Garcia (L.De Garzia 86′), C.Zammit, A.Kouro, A.Garzia (J.Grech 75′) , W.Furtado (A.Ulises 75′)

Imwissija: A.Ferraris 61’ (V), A.Garzia 67′ J.Grech 84′(F)

Skorjaw: K.Reid 65′, J.Grech 84′ (F)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Roberto Vella u Duncan Spencer

BOV Plejer tal-Logħba: Kemar Reid (Floriana)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Alessandro Guarnone (Valletta)

Komplew jikbru ħafna l-problemi ta’ Valletta hekk kif sofrew telfa kontra r-rivali eterni Floriana bl-iskor ta’ 2-0, bil-gowls tant importanti jaslu minn Reid u Grech.

Rebħa importanti għall-Greens, li mhux biss rebħu d-derby tant mistennija imma kisbu tlett punti kruċjali u li b’riżultat favorevoli fil-partita bejn Ħamrun u Birkirkara jistgħu jestendu d-distakk fil-quċċata tal-klassifika b’5 punti.

Minn naħa l-oħra, skor xejn pjaċevoli għal Valletta li għandhom sieq waħda fiċ-Challenge League hekk kif issa jinsabu fit-12-il post b’total ta’ 20 punt wara 22 partita, b’ 4 partiti x’jintlagħbu u massimu ta’ 12-il punt li jistgħu jintrebħu.

L-ewwel kwarta ta’ logħob tkun fażi ta’ studju għaż-żewġ timijiet, b’Floriana jżommu l-maġġoranza tal-pussess u jipprova jsibu ċ-ċans denju biex jiftħu l-iskor, b’ Valletta jirreżistu tajjeb u jfittxu l-kontrattakk.

Fis-26 minuta Floriana bl-ewwel opportunità tal-logħba permezz tal-midfielder Dunstan Vella li daħal fil-kaxxa b’ġirja veloċi u ttanta xortih fil-baxx, b’ Guarnone jsalva tajjeb.

Minuta wara Floriana reġgħu perikolużi minn kontrattakk tal-Internazzjonali Malti Kemar Reid, bl-attakkant jaqbeż il-goalkeeper Guarnone u jitfa’ lejn ix-xibka, bid-difensur ta’ Valletta Bolanos jitervieni fl-aħħar u jaqla minn fuq il-linja.

Floriana komplew l-attakki tagħhom biex fil-35 minuta fl-aħħar fetħu l-iskor,  kien it-talisman Kemar Reid li kkonkluda sab ix-xibka wara li rebaħ il-ballun minn saqajn Bolanos, bl-attakkant jikkonkludi fir-rokna t’isfel tal-lemin għat-13-il gowl staġjonali tiegħu.

Floriana daħlu jistrieħu fil-vantaġġ, bil-Greens bla dubju jkunu l-aqwa tim fl-ewwel tlett kwarti logħob.

Fit-tieni taqsima Valletta ħarġu fuq l-offensiva biex fil-54 minuta Federico Falcone niżżel ballun għoli u qabeż lil El Hasni u pprova jikkonkludi fil-baxx, b’ Kitanov isalva faċilment.

Floriana rrispondew 4 minuti wara permezz ta’ konklużjoni mill-viċin ta’ Garzia, b’ Guarnone isalva tajjeb u l-ballun jaqa’ f’saqajn Nogureira, bil-plejer Brażiljan ukoll jipprova jsib ix-xibka pero d-difensuri jdawru f’korner.

Floriana ssiġillaw ir-rebħa fl-84 minuta permezz ta’ kontrattakk veloċi tas-sostitut Jake Grech li ħarab b’ġirja tajba mil-lemin u kkonkluda fix-xibka b’xutt potenti fir-rokna ta’ fuq.

Kemar Reid skorja l-ewwel gowl tal-partita kontra r-rivali Valletta (Ritratt: Josef Fitzpatrick)