Lokali

“Il-bankini għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd”

“Il-bankini għandhom ikunu aċċessibbli għall-poplu u mhux imblukkati bl-imwejjed u s-siġġijiet. Hawn bżonn ta’ aktar infurzar.”

Din kienet l-għajta tan-nies preżenti fil-Belt Valletta waqt protesta b’rabta mal-ammont esaġerat ta’ imwejjed u siġġijiet fuq il-bankini kif ukoll fit-toroq tant li qed jimblukkaw l-aċċess.

Preżenti għal din il-protesta kienm hemm numru ta’ għaqdiet kif ukoll residenti mill-belt kapitali kif ukoll lokalitajiet oħra li lkoll semmgħu leħinhom dwar l-istat li jinsabu fih, fejn l-aċċess għal diversi toroq b’mod partikolari fil-Belt Valletta huma ristretti dan hekk kif l-istabbilimenti qed joħorġu l-imwejjed u s-siġġijiet barra saħansitra bla permess.

Net News tkellem mal-President ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar Astrid Vella li sostniet li minkejja li hawn regolamenti dwar it-tqegħid ta’ imwejjed u siġġijiet f’żoni pubbliċi mhu qed ikun hemm l-ebda infurzar. Hija aċċennat li dan l-abbuż qed isir għad-detriment tar-resident.

Astrid Vella qalet ukoll li din is-sitwazzjoni – li hija waħda ferm inkwetanti – mhux qed narawha biss fil-belt kapitali iżda qed narawha wkoll f’numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

Matul din il-protesta l-għaqdiet preżenti saħqu fuq il-ħtieġa li nippreservaw il-Belt Kapitali li hija rikonoxxuta mill-UNESCO għall-wirt kulturali tagħha għaliex b’dan l-abbuż il-Belt Valletta qed titlef  il-karatteristiċi uniċi tagħha. Intant, aktar kmieni din il-ġimgħa fir-Rabat Għawdex affaċċjat problemi kaġun tal-imwejjed u s-siġġijiet f’żoni pubbliċi fejn permezz ta’ stqarrija, il-Bażilika ta’ San Ġorġ saħqet li huwa inaċċettabbli li ma jistax isir tieġ jew funeral minħabba li l-pjazza kienet ristretta kaġun tal-imwejjed u s-siġġijiet.