Lokali

“L-aspettattivi tan-nies huma kbar għax l-issues li semmejt jiena huma dawk li jippreokkupaw lin-nies”

L-aspettattivi tan-nies jidher li huma kbar għax l-issues li semmejt jiena fl-ewwel diskors tiegħi, dawk li jinkwetaw lili, huma l-issues li jippreokkupaw lin-nies.

Hekk qalet il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono f’intervista mill-Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Net Media Robert Cremona, li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton u li xxandret ilbieraħ fuq Net Television waqt il-programm NETLIVE.

B’umiltà, l-President qalet li wara d-diskors tagħha faħħruha xi ftit iżżejjed. “Jien la jien Madre Tereża u lanqas xi esperta kbira tal-Kostituzzjoni. Jekk kellha tinħoloq xi kriżi jiena żgur li navviċina persuni esperti ferm aktar minni fis-suġġett u nisma’ lil kulħadd. Jien ma nagħmel xejn speċjali waħdi. Fil-limiti tiegħi, fejn nista’ ngħin, ngħin. Anki jekk tkun espert, jew tħossok li int espert, m’għandek qatt tiddeċiedi qabel tkun smajt lil kulħadd u qabel tiżen u tanalizza dak kollu li tkun smajt.”

Mitluba tgħid fil-qosor min hi Myriam Spiteri Debono, il-President il-ġdid ta’ Malta qalet li hija omm u nanna – dik hi l-ewwel prijorità tagħha. “Imbagħad jien persuna li ppruvat tagħti servizz meta f’żgħożitha kienet tara li hemm affarijiet li hemm bżonn jitranġaw, b’mod partikolari fejn tidħol is-sitwazzjoni tal-mara, speċjalment dawk in-nisa li minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ ħajjithom kellhom diffikultà biex imantnu lilhom infushom u lil uliedhom u għalhekk kienu jiddependu biss mix-xorti tal-karattru tar-raġel li jiltaqgħu miegħu u li jkunu dipendenti fuqu.”

Hi qalet li dak iż-żmien bħala għaqdiet tan-nisa kienu jikkordinaw ħafna flimkien u jiġbdu ħabel wieħed sakemm l-affarijiet bil-mod il-mod bdew jiġu għall-aħjar.

Mistoqsija dwar id-diskors inawgurali tagħha l-Ħamis li għadda, Myriam Spiteri Debono qalet li hi kull diskors li tagħmel, tagħmlu għax tħossu. Qalet li kienet tagħmel hekk anki lura fiż-żmien meta kienu jsiru l-corner meetings politiċi.

“It-temi li tkellimt dwarhom għażilthom għax huma temi attwali li lili jħassbuni u jinkwetawni. Għalhekk kelli dak it-tip ta’ diskors il-Ħamis. Għax dawk huma l-istess temi li jippreokkupaw lin-nies.”

Il-fatt li għall-ħatra tagħha kellha l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra tarah bħala għajnuna kbira. “Hi esperjenza sabiħa li tagħtik in-nifs, tagħtik ċerta saħħa.”

Qalet li dan il-fatt ifakkarha wkoll meta bħala Speaker tal-Parlament, lura fl-1996, kienet inħatret bl-appoġġ tal-Prim Ministru Alfred Sant li nnominaha, u tal-Kap tal-Oppożizzjoni Eddie Fenech Adami li ssekondaha. “Dik ukoll kienet tatni ċerta saħħa għax ħaġa bħal din tagħtik fiduċja u fl-istess ħin impenn biex dik il-fiduċja tibqa’ żżommha.”

Kien hawnhekk li l-President qalet li l-aspettazzjonijiet tan-nies huma kbar għax l-issues li jinkwetaw lilha huma l-istess l-issues li jippreokkupaw lin-nies.

Dwar Għawdex, il-gżira fejn twieldet, il-President qalet li dak li jolqot l-aktar lill-Għawdxin mill-qrib hu “dak l-imbierek baħar li jifridna.”

Hi qalet li dan l-iżvantaġġ għall-Għawdxin ukoll kien hemm żmien li nbidel f’vantaġġ għax dawk iż-żgħażagħ Għawdxin studenti li fl-imgħoddi riedu jagħmlu esperjenza ’l bogħod minn djarhom biex ifendu għal rashom, “minflok bħalma qed jagħmlu l-Maltin isiefru ’l bogħod minn art twelidhom, aħna konna ninfatmu mid-dar u l-familja u niġu Malta, sew għax-xogħol u għall-istudju. Dan il-fatt kien jimmaturana kmieni u jagħmilna indipendenti kmieni. ‘On the long run’ dak is-sagrifiċċju li konna nagħmlu kien jagħtina spinta ’l quddiem għall-kumplament ta’ ħajjitna.”

Dwar l-ambjent il-President Spiteri Debono qalet li hemm bżonn li biex inħobbu ’l pajjiżna u nipproteġu l-ambjent naturali tagħna u ma nkissruhx, hemm bżonn li nressqu liż-żgħar tagħna lejn il-postijiet sbieħ ta’ pajjiżna fiżikament, ħalli b’hekk jiskopruh u jħobbuh fis-sbuħija tiegħu u jkunu jafu safejn għandna naslu. Hi qalet li tiskanta kemm hawn żgħażagħ li ħarġu mill-Università u ħlief it-triq tal-by-pass lejn Tal-Qroqq ma jafux. “Għaliex m’għandix inkun naf l-irkejjen kollha ta’ pajjiżi jien qabel immur sa Sqallija?”

Dwar il-prijoritajiet fil-ħidma tagħha bħala Kap tal-Istat, il-President qalet li hu kmieni wisq biex tippronunzja ruħha. “Għad irrid insib saqajja b’mod ġenerali… inkun prużuntuża jekk nagħtik xi indikazzjonijiet għalissa. Imma fuq ċerti issues ċertament li għad irrid nidħol aktar fil-fond.”